Il-Kamra tal-Kummerċ qalet kif tirrikonoxxi li l-politika dwar il-migrazzjoni tax-xogħol, li tnediet għall-konsultazzjoni pubblika, hi pass importanti ’l quddiem fl-indirizzar tal-isfidi tal-forza tax-xogħol Maltija, fejn anke tinkludi diversi rakkomandazzjonijiet li huma parti mill-viżjoni tal-Kamra dwar l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.
Fi stqarrija, ingħad kif biex il-politika tkun effettiva, is-suq tax-xogħol jeħtieġ li jissaħħaħ, inkluż b’aktar inċentivi għat-titjib tal-ħiliet u appoġġ għall-investimenti fid-diġitalizzazzjoni biex tittejjeb il-produttività.
Dan biex kollox ikun integrat bis-sħiħ fil-Viżjoni Malta 2050, bi strateġija komprensiva u fit-tul għall-forza tax-xogħol tal-pajjiż u tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet kif tapprova ħafna aspetti tal-politika u titlob biss li xi rakkomandazzjonijiet jiġu ċċarati u aġġustati biex ikun żgurat l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
F’kummenti li tat fil-programm ‘Sibt il-Punt’ fuq ONE Radio fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, ukoll qalet kif din il-politika hi ta’ importanza kbira u kienu diġà semmewha. B’hekk hu ta’ pjaċir li qed jarawha sseħħ.
“Nemmnu li hi konsultazzjoni li għandha potenzjal kbir biex tgħinna nkomplu ntejbu l-qagħda ekonomika tal-pajjiż.”
Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv, Kamra tal-Kummerċ
“Il-Gvern qiegħed ukoll bħalissa jaħdem fuq il-Viżjoni 2050, li wkoll hi policy li pajjiżna għandu bżonn ilbieraħ qabel illum, u din il-Migration Policy hi waħda mill-elementi li definittivament iridu jimxu pari passu mal-Vision 2050 u jridu jkunu wkoll parti integrali tal-Vision 2050.”
Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv, Kamra tal-Kummerċ
Il-Kamra tal-Kummerċ kompliet li s-suċċess tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema jiddependi fuq tliet komponenti kruċjali, li huma t-trasparenza tar-reklutaġġ u tad-dejta, kif ukoll l-effettività u l-inforzar tal-leġiżlazzjoni, fejn mingħajr dawn il-miżuri, u sakemm ma tiġix integrata fil-Viżjoni Malta 2050, il-politika mhux se tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha.
Bħala Kamra nsistiet li kwalunkwe mġiba abbużiva kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-impjegati għandha tiġi ttrattata u titressaq quddiem il-ġustizzja mingħajr dewmien, fejn qalet li se tibqa’ impenjata li taħdem mal-Gvern u mal-partijiet konċernati kollha biex tiżgura li l-politika dwar il-migrazzjoni tax-xogħol tilħaq il-miri tagħha.
Nhar is-Sibt, Portelli wkoll qalet li dawn in-nuqqasijiet, li jista’ jkun hemm, huma parti minn din il-konsultazzjoni u b’hekk hu tajjeb li jkun hemm dan il-proċess biex dawn jitjiebu u joħroġ l-aħjar prodott possibbli.
“Aħna bħala Kamra tal-Kummerċ ħassejna li s’issa, il-proċess ta’ kif saret din il-policy, jiġifieri anke qabel ġie ppubblikat dan id-dokument li illum għandna fil-public domain, anke l-attitudni u l-andament lejn il-kritika, is-suġġerimenti li l-Gvern, il-Ministru u l-Ministeru qiegħed jirċievi, qed jittieħdu b’mod pożittiv u dan hu l-mod ta’ kif konsultazzjoni ssir fil-pajjiż għandha ssir.”
Marthese Portelli, Kap Eżekuttiv, Kamra tal-Kummerċ