Il-Kamra tal-Kummerċ laqgħet b’mod pożittiv il-fatt li l-ekonomija Maltija kibret bi kważi sebgħa fil-mija s-sena li għaddiet – ċifra li ħabbarha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Ikkummentat dwar dan ma’ ONE News il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ, Marthese Portelli, li sostniet li dan it-tkabbir ekonomiku seħħ, fost l-oħrajn, minħabba l-irkupru b’saħħtu li kien hemm fis-settur turistiku.
“Aħna bħala Kamra tal-Kummerċ nieħdu pjaċir b’dak li huwa pożittiv, jiġifieri definittivament hija xi ħaġa tajba illi rajna dan it-tkabbir. Pero, tajjeb ukoll illi nanalizzaw dan it-tkabbir minn fejn ġie. Jekk wieħed jara l-istatistika tal-NSO jara li l-ikbar żieda kienet fejn jidħlu s-servizzi u anki, meta wieħed jerġa’ jidħol iktar fid-dettall ta’ x’ikkontribwixxa lejn iż-żieda, wieħed isib li l-maġġoranza kienet ġejja mis-servizzi tat-turiżmu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ sostniet ukoll li l-għajnuna tal-Gvern sabiex iżomm stabbli l-prezzijiet tal-enerġija kienet ta’ għajnuna fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali bla preċedent. F’dawn is-sentejn, il-Gvern investa biljun ewro biex il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil, u tal-qmugħ jibqgħu stabbli.
“Jiena nemmen li l-fatt li tkun żgħir, u anki tkun gżira, bla ma trid se taħdem iktar biex tkun tista’ inti tista’ tegħleb id-diffikultajiet li għandna, kemm miċ-ċokon tagħna u kemm ukoll mill-fatt li aħna gżira. Ovvjament, inti semmejt il-prezzijiet tal-enerġija: aħna nemmnu illi s-sussidji definittivament għenuna, però definittivament ukoll illi nibdew naraw ukoll fejn nistgħu nkomplu ngħinu biex l-impatt tal-enerġija ma jibqax jinħass daqshekk meta s-sussidji jiefqu.”
Marthese Portelli qalet li l-Kamra tal-Kummerċ tara li t-triq ‘il quddiem hija l-ekonomija Maltija tibqa’ tikber, waqt li fis-settur tal-enerġija għandu jkompli jingħataw l-inċentivi u l-għajnuna għal użu dejjem aktar effiċjenti tal-enerġija.
Matul l-2022, l-għajnuna tal-Gvern f’dan ir-rigward laħqet l-€400 miljun filwaqt li, għal din is-sena, l-għajnuna hija mistennija li tkun ta’ madwar €600 miljun. Fl-istess waqt, il-Gvern kompla jħeġġeġ lin-nies biex jinvestu f’sistemi ta’ enerġija rinovabbli u fl-effiċjenza, filwaqt li tnediet kampanja informattiva dwar l-użu aħjar tal-enerġija.