Il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija ta’ Malta, innotat l-attitudni sensibbli u realistika li ħa l-Gvern Malti fil-konfront tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta.
Fi stqarrija ngħad kif it-trasparenza fir-rappurtaġġ dwar l-isfidi li jeżistu u l-impenn li jittieħdu deċiżjonijiet konkreti, juru kif ix-xogħol qed isir fl-interess nazzjonali.
Il-Kamra tal-Kummerċ innotat ukoll il-kuntrast enormi fl-attitudnijiet differenti li ttieħdu fejn tidħol l-Air Malta fil-passat.
Faħħret ukoll il-maturità li wrew il-unjins għal dak imħabbar ilbieraħ, meta l-Gvern ħabbar pjan ċar ta’ ristrutturar għall-Air Malta li se joffri futur għal-linja tal-ajru Maltija fl-istess waqt li jassigura li l-ebda ħaddiem ma jispiċċa bla xogħol.