Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija laqgħet b’sodisfazzjon l-iskemi mħabbra mill-Gvern dalgħodu biex ikompli jinċentiva lin-negozji.
Hija qalet li dawn l-inċentivi huma mmirati biex jgħinu lin-negozji u l-ekonomija Maltija biex tirkupra mill-pandemija.
Il-Kamra tal-Kummerċ Maltija faħħret il-fatt li l-miżura tal-Business Re-Engineering and Transformation Scheme – ‘Change to Grow’ issa twessgħet għal aktar operaturi ekonomiċi li jinkludu intrapriżi żgħar, ħaddiema li jaħdmu għal rashom.
Intlaqa’ wkoll il-fatt li l-massimu tal-fondi li n-negozji jistgħu jgawdu minn dawn l-iskemi ġie rduppjat għal €10,000.
Intlaqgħu wkoll b’mod pożittiv ir-Restart Incentive Scheme, it-Tax Credits u l-iSmart and Sustainable Investment Scheme, ilkoll miżuri li jinċentivaw l-innovazzjoni fost in-negozji.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija Marisa Xuereb faħħret ukoll il-fatt li b’dawn l-iskemi, il-Gvern ma ħasibx biss fl-għajnuna professjonali imma anke fis-saħħa mentali tas-sidien tan-negozji li affaċċjaw żmien diffiċli waqt pandemija.