Il-Kamra tal-Kummerċ tinsab imħassba wara d-diskors tal-bieraħ tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fil-Parlament, b’rabta mal-Budget.
Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ qalet li hija partikolarment imħassba fuq kwistjoni marbuta mal-VAT.
Dan fl-isfond li riesaq simplifikar ta’ liġijiet Ewropej li jagħmlu kull intrapriża żgħira jew medja tgawdi mill-istess eżenzjoni mill-VAT għal kull negozju, irrispettivament tilħaqx ċertu ċifri ta’ dħul.
Il-Kamra tal-Kummerċ appellat bi kliem ċar u tond li miżuri mhux sostennibbli se jkollu jġorrhom it-tax payer Malti u jirriżultaw f’defiċit u dejn.
Il-Kamra tal-Kummerċ sostniet li jeħtieġ pjanar adegwat meta wieħed jiġi biex jipproponi miżuri fiskali u appellat kontra l-populiżmu.