Il-proposti tal-Partit Laburista għal gżira Għawdxija se jkun qed iwassal għal pass li jmiss fil-gżira Għawdxija u anki se jkun qed iżid l-impjiegi.
Dan intqal mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija Daniel Borg meta mistoqsi dwar il-proposti li ppreżenta l-Prim Ministru għal gżira tat-tliet għoljiet.
Fil-gżira Għawdxija, Gvern Laburista ġdid se jkun qed jagħti tax credit ta’ ħamsin elf ewro għal kull ażjenda fil-kamp diġitali li tibda taħdem f’Għawdex.
Dwar din il-proposta, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qal magħna kif matul il-pandemija ħareġ kif il-gżira Għawdxija tiddependi fuq setturi li ilhom stabbiliti, bħat-turiżmu iżda jeħtieġ inħarsu lejn is-sostennibilità tal-ekonomija Għawdxija.
Qal, “Imma aħna dejjem għedna u naħseb dik kienet viżjoni li qabel magħha l-Gvern, li f’Għawdex irridu nħarsu anki lejn ekonomija differenti, lejn li niddefirsifikaw l-ekonomija tagħna u għalhekk dan l-inċentiv li ġie propost, jekk imbagħad eventwalment jiġi implimentat ikun tajjeb ħafna. Għax dawk huma s-setturi li verament irridu nattiraw lejn il-gżira Għawdxija.”
Hawnhekk Daniel Borg semma kif matul l-aħħar snin il-Gvern diġà beda jaħdem fuq id-diversifikazzjoni tal-ekonomija Għawdxija permezz tat-tieni fibre optic cable u anki permezz taċ-Ċentru għall-Innovazzjoni Diġitali fix-Xewkija.
Qal kif il-proposta tat-tax credit ta’ ħamsin elf ewro lil kull ażjenda fil-kamp diġitali li tiftaħ f’Għawdex se twassal lil Għawdex għal pass li jmiss u anki sabiex l-ekonomija f’Għawdex tkompli tikber.
Qal, “Għax ovvjament imbagħad nistgħu nibdew naraw investiment li joħolqu valur miżjud. Għawdex ma jridx ħafna. Jekk aħna noħolqu kull tip ta’ investimenti li verament iħallu l-valur miżjud fil-gżira tagħna, hemmhekk verament imbagħad ikollna investiment li joħloq, verament jagħti dik l-imbuttatura neċessarja biex nibdew naraw verament industriji li jħallu ċertu appoġġ lill-ekonomija ta’ Għawdex.”
Dwar il-proposta l-oħra tal-Partit Laburista dik ta’ għotja ta’ erbgħin fil-mija tal-investiment li jkun sar, f’kwalunkwe investiment kapitali fiss f’Għawdex, Borg qal kif din hija proposta interessanti.
Qal, “Imma ovvjament jekk inti jkollok investiment fil-kapital, hemmhekk qed ngħidu li ċertu kumpaniji li diġà huma stabbiliti sabiex qed ngħinuhom biex itejbu l-produzzjoni tagħhom, biex itejbu l-proċessi tagħhom, biex jagħmlu dak il-kuraġġ neċessarju biex jinvestu fl-ażjendi tagħhom u jkomplu joperaw f’Għawdex. Allura dak huwa importanti ħafna.”