Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħet b’sodisfazzjon l-iskedi li ħabbru ż-żewġ operaturi sabiex jibda jaħdem il-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer.
Hija qalet li l-aċċessibilità lejn Għawdex hija ċ-ċavetta biex Għawdex ikollu żvilupp ekonomiku u sostenibbli madankollu l-Kamra tal-Kummmerċ Għawdxija saħqet li dan jiddependi min-nollijiet li n-nies li se jivvjaġġaw bil-fast ferry se jkollhom iħallsu.
Hija nnutat li ż-żewġ operaturi rrikonoxxew li l-fatt li Għawdxin se jagħmlu aktar użu minn dan is-servizz u dan jidher fil-prezzijiet tan-nollijiet u fl-iskeda.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija aċċennat għall-fatt li s-servizz tal-fast fery għandu bosta vantaġġi ambjentali, fosthom l-impatt li dan ser iħalli fuq l-ambjent u l-fatt li dan se jkun ta’ inċentiv biex in-nies jivvjaġġaw anqas bil-karozzi bejn iż-żewġ gżejjer.
Hija sostniet dan is-servizz jista’ joħloq bosta niċeċ ekonomiċi, fosthom tat-turisti li jiġu permezz ta’ cruiseliners li jsorġu fil-Port il-Kbir, permezz tal-fast ferry, dawn it-turisti se jkunu jistgħu jżuru l-gżira Għawdxija fil-ftit ħin li jkollhom f’Malta.
Din se tagħmilha aktar faċli biex wieħed jagħżel biex joqgħod Għawdex, filwaqt li jkun jaħdem f’Malta.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħet b’sodisfazzjon l-impatt tad-deċiżjoni tal-Gvern li jilliberalizza dan is-servizz, kif ukoll l-isforz li qed isir biex dan is-servizz jibda jaħdem mill-ewwel ta’ Ġunju.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija temmet tawgura liż-żewġ operaturi.