Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħet b’mod pożittiv il-proposta mħabbra mill-Prim Ministru għan-negozji Għawdxin, li b’regola, negozju f’Għawdex għandu jkollu żieda ta’ għaxra fil-mija fuq kull inċentiv.
Il-Kap Eżekuttiv tal-istess Kamra, Daniel Borg, qal kif jekk implimentata, din il-proposta se tkompli tixpruna iżjed lin-negozju Għawdxi, eventwalment it-tkabbir f’Għawdex ikollu effetti aħjar.
Borg qal li “wieħed mill-aktar fatturi dejjem saħqet fuqhom il-Kamra tal-Kummerċ tan-negozju għall-Għawdex hija li tajjeb ikunu dawk l-inċentivi li huma offruti fuq livell nazzjonali, dejjem ikollhom dak l-impatt pożittiv fuq Għawdex. Din tal-għaxra fil-mija aktar jekk implimentata tgħin iżjed lin-negozji biex jibbenefikaw iżjed minn dawn l-iskemi.”
Daniel Borg qal li dan l-inċentiv ta’ għaxra fil-mija għan-negozji Għawdxin, jagħmel tajjeb għal sfidi li jkollhom in-negozji fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Spjega li “nisħqu għax din hi l-esperjenza tagħna li kumpanija hawn Għawdex dejjem ikollha costs ikbar minħabba diversi fatturi għax stabilità hawnhekk, għandek it-traġitt. Il-costs mhux fuels biss imma anke ħin biex wieħed jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer. Il-fatt li int tirrikonixxi dan l-impatt billi tagħti treshold aktar pożittiv għal dawk in-negozji Għawdxin jgħin biex inaqqas mill-piż.”
Borg temm jgħid li dan l-inċentiv ukoll se jagħti iżjed inċentiv lil dawk kollha li jridu jiftħu negozju f’Għawdex jew inkella jirrilokaw fil-gżira Għawdxija.
Is-Sibt filgħaxija, meta kien f’Għawdex il-Prim Ministru mhux biss ħabbar li b’regola, l-inċentivi għan-negozji Għawdxin għandhom ikunu t’għaxra fil-mija iżjed iżda sostna wkoll li jrid jibqa’ jara li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku f’Għawdex tibqa’ tiżboq dik ta’ Malta.