Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija kienet organizzazzjoni oħra li rreaġixxiet b’mod pożittiv għall-miżuri li tħabbru dalgħodu mill-Prim Ministru u l-Ministru għal Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli sabiex titkattar iżjed l-attività ekonomika u jirkupraw n-negozji mill-pandemija.
Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet li hija importanti li dawk in-negozji li għaddejjin minn żmien diffiċli u li se jibqgħu magħluqin jiġu mgħejjuna bl-aħjar mod fejn se tkun qed tingħata għotja ta’ elf ewro lil dawn in-negozji.
Quddiem inċentivi anki għan-negozji f’Għawdex, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet li huwa pożittiv li l-Gvern estenda inċentivi bħal dawk tal-għoti ta’ tax credits.
Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija nnutat ukoll b’mod pożittiv l-għajnuna psikoloġika li se tingħata lill-imprendituri li jkollhom bżonn wara li kellhom sfidi fin-negozju tagħhom.
Intqal kif f’Mejju tas-sena l-oħra, Il-Kamra tal-Kummerċ kienet innutat li dan l-istress li jkollhom dawn l-imprendituri kien anke minħabba l-fatt li ma setax isir vjaġġar bla bżonn lejn Għawdex.
Qalu wkoll li ekonomija iżjed ħadra u diġitali huma żewġ pilastri importanti fir-riġenerazzjoni tal-ekonomija.
Hawnhekk innutaw l-investiment diġitali u ħadrani li sar mill-gvern f’Għawdex permezz tat-tieni fibre optic cable u ċ-Ċentru għall-Innovazzjoni Diġitali fix-Xewkija.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/04/27/e20-miljun-ohra-fpakkett-tghajnuna-iehor-mimli-incentivi-ghan-negozji/
https://www.one.com.mt/2021/04/27/il-kamra-ghan-negozji-z-zghar-u-medji-tinnota-li-l-iskemi-mhabbra-mill-gvern-se-jaghtu-appogg-lin-negozji/
https://www.one.com.mt/2021/04/27/l-mhra-tilqa-l-ahhar-pakkett-tghajnuna-te20-miljun-imhabbar-mill-gvern/