Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija faħħret l-impenn tal-Gvern favur aktar spazji ħodor fil-gżira. Dan b’reazzjoni għall-Baġit 2024 meta tkellmet dwar il-proġett ta’ 80,000 metru kwadru ta’ aktar spazji miftuħa madwar il-pajjiż kollu, fosthom il-proġett massiċċ fil-qalb tar-Rabat Għawdex.
Daniel Borg, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija, qal li Għawdex jista’ jibbenefika minn dawn il-proġetti, bħal dak ippjanat mill-GRDA, li għandu benefiċċji kbar.
Hu qal li “fil-qasam tal-innovazzjoni, nemmen li Għawdex jista’ jkollu potenzjal qawwi. Għalhekk, l-istrateġija li ħabbar il-Gvern fejn kompla jaħdem fuq l-innovazzjoni, nemmen li Għawdex għandu post partikolari li jista’ ikompli jibbenefika u jikber f’oqsma partikolari, anke bħas-saħħa u d-diġitalizzazzjoni.”
Faħħar l-inizjattiva fir-Rabat, fost l-oħrajn, għall-parkeġġ li se toffri biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku u anke twassal għal inqas dipendenza fuq vetturi.
Qal li dan il-proġett hu importanti ħafna, għax mhux biss se jżid l-attività, iżda se jżid ukoll il-mobilità sostenibbli hekk kif il-proġett se jinkorpora wkoll it-trasport pubbliku u b’hekk se jwassal għal titjib fiż-żona.
Mistoqsi dwar l-istipendji ogħla f’korsijiet fuq setturi emerġenti, b’rabta mal-provvista ta’ ħaddiema ta’ kwalità f’Għawdex, Borg temm jgħid li, bħala Kamra, jemmnu li jekk il-Gvern u l-imsieħba soċjali jaħdmu favur niċeċ partikolari, dawn il-gradwati jkollhom impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex, xi ħaġa li tista’ ġġib il-gżira ’l quddiem.