Il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija laqgħet b’sodisfazzjon l-iżviluppi pożittivi b’rabta mal-aħbar li l-Gvern se jinvesti ħames miljun ewro fi struttura marittima biex jibda jopera s-servizz tal-fast ferry.
Fi stqarrija ntqal kif permezz ta’ dan l-investiment, se jinħoloq aċċessibiltà aħjar għal Għawdex kemm għal dawk li jivvjaġġaw bejn il-gżejjer Maltin b’mod regolari kif ukoll għal dawk li jżuru gżira jew oħra.
Għal proċess aktar trasparenti ġew imsejħa l-operaturi interessati li jfornu s-servizz, li mistenni jibda mill-ewwel ta’ Ġunju li ġej jekk kollox ikun konformi mal-kriterji mitluba mill-Awtorità tat-Trasport.
Dan is-servizz li mistenni jieħu madwar tliet kwarti, se jopera bejn il-Port il-Kbir, il-Belt Valletta u l-Port tal-Imġarr.
Permezz tal-fast ferry, il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija qalet kif se jitnaqqas il-ħin tal-ivjaġġar bejn iż-żewġ gżejjer.