Il-kamra tal-Kummerċ laqgħet l-aħbar li l-Gvern se jkun qed iniedi unit ġdid li jinvestiga u jipproċedi kontra l-attivitá ekonomika illegali, magħrufa bħala ‘black economy’. It-tliet dipartimenti ewlenin bl-inkarigu tal-ġbir tat-taxxa f’pajjiżna, iġifiera dawk tat-taxxa, VAT u dwana se jkunu responsabbli minn dan il-unit.
Il-Kamra tal-Kummerċ fil-passat qatt ma qagħdet lura milli tisħaq li l-evażjoni tat-taxxa tiċħad lill-istat minn ammont konsiderevoli ta’ fondi li jistgħu jintużaw għal mezzi aħjar, u li tpoġġi negożji onesti f’żvantaġġ.
Fi stqarrija, l-Kamra tal-Kummerċ spjegat li dejjem ħadmet favur ambjent ekonomiku kompetitiv u ġust u li jkun ikkontrollat mis-suq. Huma stqarru li ressqu l-argumenti tagħhom bosta drabi, fosthom fil-Parlament fejn preżentaw riċerka lill-Kumitat tal-Ekonomija u finanzi. Il-Kamra tal-Kummerċ stqarret li hija sodisfatta li l-awtoritajiet fehmu l-importanza tal-argumenti li għamlet il-Kamra u li nedew dan il-unit.
Huma fissru li se jkunu qed jgħinu lill-Gvern b’kull mod possibbli biex dan il-proġett ikun wieħed ta’ suċċess.