Il-Kamra tal-Avukati rrappurtat lil Jason Azzopardi quddiem il-Kummissjoni għall-Amministazzjoni tal-Ġustizzja wara li huwa kien attakka lill-Imħallef Giovanni Griscti, sigħat qabel dan kellu jiddeċiedi dwar talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.
F’ittra li bagħat il-President tal-Kamra tal-Avukati, Dr Louis de Gabriele, huwa wera tħassib għall-kummenti tad-Deputat Nazzjonalista li taw impressjoni li l-Imħallef seta’ kellu kunflitt ta’ interess.
“Kitbet Azzopardi setgħet taffettwa t-trankwilità tal-ġudikant qabel jiddeċiedi b’mod oġġettiv”, kiteb de Gabriele.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li għalkemm il-ġudikanti jistgħu jkunu soġġett għall-kritika, huwa inaċċettabbli li wieħed jipprova jinfluwenza deċiżjoni billi eżatt qabel, Imħallef jitpoġġa f’dell ikrah.
Il-Kamra tal-Avukati qalet li meta aġir bħal dan ġej minn xi ħadd mill-professjoni legali, fejn suppost jaf aħjar, l-affarijiet huma aktar serji.
Il-Kamra tal-Avukati fakkret li l-avukati huma marbuta ma’ kodiċi tal-etika u għandhom jirrispettaw lill-Qorti.
Jason Azzopardi kien attakka lill-Imħallef Griscti għaliex fl-2008 dan xtara dgħajsa m’għand missier Yorgen Fenech.
Ftit wara kien żvelat li fl-istess sena, lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-2008, Jason Azzopardi talab lil Yorgen Fenech biex joħorġu ta’ nies u jorganizza coffee morning għan-nies tad-distrett tiegħu fil-ball room tal-Hilton mingħajr ma joħroġ ċenteżmu.
Fl-attakk ma’ Jason Azzopardi kien ingħaqad Manuel Delia.