Quddiem il-Parlament bħalissa qed tiġi diskussa mozzjoni li mistennija testendi l-età tal-irtirar tal-membri ta’ ġudikatura minn ħamsa u sittin sena għal tmienja u sittin sena.
Din l-idea ssemmiet ukoll fid-diskors tal-budget.
Din l-estensjoni mistennija tfisser aktar effiċjenza fil-Qrati Maltin hekk kif ser tkompli tindirizza l-ammont ta’ każijiet li għad irridu jinqatgħu filwaqt li l-Qorti flimkien maċ-ċittadini ma jitilfux mill-għerf li kapaċi joffru dawn il-veterani fil-qasam legali.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati Louis De Gabriele ddeskriva din il-mozzjoni bħala waħda pożittiva.
Huwa stqarr: “Hemm validità f’li wieħed jaħseb li l-għerf, il-konoxxenza, l-esperjenza ta’ imħallef jew ta’ maġistrat li jibqa’ in office tgħin biex jagħmel ġudizzju aktar għaqli, ġudizzju aktar malajr fuq ċerti affarijiet u allura naħseb illi hija miżura pożittiva.”
Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li l-ġudikant għandu jkollu għażla: “Għandha tiġi addottata b’mod li tkun diskrezjonali f’idejn kull individwu jiġifieri, imħallef, maġistrat ikun jista’ jirtira ta’ 65 però jekk iħoss li għadu tajjeb u jista’ jkompli jagħti kontribut ikun jista’ jibqa’ sakemm ikollu 68.”
Dr De Gabriele qal li hekk kif tiġi fis-seħħ, din il-miżura ser taf tħalli l-frott minnufih.
Huwa sostna: “Fl-immedjat żgur li ser tkun utli għaliex hemm numru ta’ ġudikanti li ser jirtiraw malajr u sakemm jerġgħu jsiru ġudikanti oħra wieħed irid jieħu ftit taż-żmien.”
Intant il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ta rendikont ta’ x’se ssarraf din il-miżura f’ħajjet il-poplu.
Il-Ministru Zammit Lewis qal: “Ħa ttina lura li ma nitilfux għerf illi hemm speċjalment fil-Qorti tal-Appell, tal-Appell bi 3, ta’ imħallfin li ilhom hemm u qed jaqtgħu ħafna sentenzi u li se jirtiraw fiż-żmien li ġej però ovvjament din tapplika għal kuħadd. Għaċ-ċittadin din se tfisser iktar effiċjenza, iktar effiċjenza fil-qrati tagħna speċjalment biex naqtgħu l-backlog ta’ appelli li hemm bi pjan li għandu l-Gvern u li huwa maqbul ukoll mal-Prim Imħallef. It-tielet, l-avvanzi mediċi, persuna ta’ 68 sena għad baqalu ħafna x’joffri.”