Il-Kamra tal-Avukati esprimiet it-tħassib serju tagħha dwar il-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd 30 ta’ Lulju li dehru f’artiklu ta’ Newsbook li jikkwotaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jgħid “Kif tista’ ssir ġustizzja jekk mart l-Imħallef hi Deputat Laburista?”
L-Avukati qalu li dak irrapportat fl-artiklu imsemmi jitfa dell ikrah fuq l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ l-Onorevoli Mħallef konċernat u fuq il-Ġudikatura in ġenerali.
“Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandu juża l-meżżi legali disponibbli għalih jekk jidhirlu li għandu xi dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità fil-konfront ta’ xi ġudikant partikolari iżda żgur li mhux xieraq il-mod li uża jekk dak irrapportat fl-artiklu hawn fuq imsemmi huwa korrett,” qalet il-Kamra tal-Avukati.
Dawn il-kummenti jikkonstitwixxu, fil-fehma tal-Kamra, pressjoni mhux xierqa fuq l-Onorevoli Imħallef konċernat u jeċċedu kull limitu ta’ prudenza u responsabbiltà fil-konfront tiegħu u għalhekk tħoss li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għandu jirtira tali allegazzjoni.
Il-Kamra appellat lil kull min għandu influwenza fuq l-opinjoni pubblika inkluż ġurnalisti u bloggers u b’mod partikolari l-politiċi biex irazznu l-kummenti fil-konfront tal-ġudikatura.
“Il-ġudikatura għandha dejjem titħalla taqdi dmirijietha b’serenita’ u mingħajr indħil jew pressjoni, kompliet iżżid fi stqarrija l-Kamra tal-Avukati.”