Il-Kamra tal-Avukati esprimiet id-diżappunt tagħha għall-aġir tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina.
Dan għamlitu permezz ta’ stqarrija, b’referenza għall-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi, fejn fiha Karol Aquilina bi kliemu attakka lill-Avukat Giannella de Marco li kienet qed tirrappreżenta lil Paul Apap Bologna.
Fil-fatt, waqt l-istess laqgħa Karol Aquilina kien ipponta lejn l-Avukat de Marco u qal li hu ma jitħallasx mill-kriminali.
Huwa qal, “Jien ma nemminx fil-kriminali u jien ma nitħallas mill-kriminali, jien ma nitħallasx mill-kriminali.”
Għal dan l-Avukat de Marco kienet wieġbet hekk lil Karol Aquilina: “Jekk is-Sur Aquilina ma jafx x’inhu Avukat jiddispjaċini għalih. Naħseb is-Sur Aquilina għandu jitgħallem x’inhuma d-drittjiet u jekk għalih id-drittijiet tal-individwu ma jeżistux, jekk għalih id-dritt tas-smigħ xieraq huwa xi ħaġa jikkalpesta mela allura s-Sur Aquilina m’għandux post hawnhekk. Inti ma tistax toħnoq id-dritt ta’ bniedem li qed jidher hawnhekk.”
Dan l-istess sentiment tal-Avukat de Marco kien rifless fir-reazzjoni tal-Kamra tal-Avukati.
Il-Kamra sostniet li huwa d-dritt fundamentali ta’ kull persuna li tiġi assistita minn Avukat tal-għażla tagħha filwaqt li l-irwol tal-Avukat huwa propju dak li jipparteċipa fil-proċess sħiħ biex issir ģustizzja.
Tenniet li l-Avukat m’għandux ikun imqabbel ma’ dak li jkun allegatament wettaq il-klijent li qed jirrappreżenta.
Jekk dan mhux kollox, il-Kamra tenniet ukoll li l-attakk ta’ Karol Aquilina fuq Giannella de Marco huwa aktar gravi propju għall-fatt li Karol Aqulina nnifsu huwa avukat.
Il-Kamra temmet tisħaq li sabiex tkun żgurata s-saltna tad-dritt huwa essenzjali li kull Avukat jitħalla jaqdi d-dmirijiet u rwoli professjonali tiegħu fil-libertà u mingħajr xkiel, intimidazzjoni jew theddid.