Il-Kamra tad-Deputati f’Sirte ħadet vot storiku fejn tat il-fiduċja lill-Gvern ta’ Għaqda Nazzjonali mmexxi mill-Prim Ministru Abdelhamid Dabaiba.
Dan wara li laqgħa li saret fi Frar f’Ġinevra, fl-Iżvizzera ntgħażel il-Gvern temporanju ta’ għaqda nazzjonali li se jwassal biex f’Diċembru li ġej jsiru elezzjonijiet ħielsa fil-Libja.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti, Evarist Bartolo, qal kif dan huwa sinjal inkoraġġanti ħafna ta’ għaqda nazzjonali u jixhed id-determinazzjoni li tibda tranżizzjoni istituzzjonali effettiva u l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali li jwassal għall-elezzjonijiet sal-aħħar ta’ din is-sena.
Il-Ministru Bartolo faħħar ukoll l-isforzi bla waqfien tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Jan Kubis, il-Missjoni ta’ Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) u l-parteċipanti tal-Qafas ta’ Djalogu Politiku Libjan, hekk kif dawn stinkaw biex jiksbu paċi u sigurtà fil-Libja.
Qal li kif jixhdu r-rabtiet storiċi u l-ħbiberija li ilha teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi, Malta se tkompli tappoġġja lill-poplu Libjan, iktar u iktar f’dan il-mument kruċjali.