L-għada li ONE NEWS mar quddiem il-Parlament jistaqsi deputati Nazzjonalisti biex juru fuq ir-ritratt li ppubblika Toni Bezzina fejnha l-kamra ta’ 31 metru kwadru li qed jgħid li kien hemm, Toni Bezzina mar il-Qorti jiftaħ il-kawża ta’ libell li qal li se jiftaħ il-Ħadd.
Biex jiddefendi lilu nnifsu mill-akkuża li l-applikazzjoni li għamel mal-Awtorità tal-Ippjanar hi waħda frodulenti, il-Perit Toni Bezzina ppubblika ritratt uffiċjali tal-istess Awtorità. Ritratt li juri dak li kien hemm, jew ma kienx hemm, fuq l-art tiegħu snin ilu.
Il-KullĦadd irrapportat li fid-dokumenti li ssottometa lill-Awtorità tal-Ippjanar Bezzina ħoloq kamra li ma teżistix fir-ritratti ta’ x’kien hemm fuq il post sitt deċenji ilu. Kamra li kienet kruċjali biex ikollu mitt metru kwadru li xi darba kien mibni u għalhekk ikun jista’ jkabbar iċ-ċans tiegħu li jikseb permess biex jibni Villa f’ODZ.
Bezzina insista li l-kamra ta’ wieħed u tletin metru kwadru tidher fid-dokumenti tal-Awtorità tal-Ippjanar. Bil-verżjoni tal-KullĦadd u tiegħu jikkontrastaw bil-kbir morna tlabna lil sħabu deputati parlamentari biex isibulna l-kamra fuq ir-ritratt tal-Awtoritá tal-Ippjanar. Bdejna bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista, fid-dawl li hu l-iktar li qed jiddefendih.
Iżda, anke jekk staqsejnieh darba tnejn ma kienx komdu jieqaf u jgħidilna fejn hi din il-kamra fuq ir-ritratt tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Intant, Bezzina qed jibqa’ jgħid li għandu raġun u fi stqarrija dalgħodu qal: “Il-Ħadd stess jiena sostnejt li l-Partit Laburista qiegħed jigdeb dwari meta jgħid li jiena vvintajt xi ħaġa fl-applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Din hija gidba mill-bidu sal-aħħar.”
Il-libell ġie ffirmat mill-Avukati Joe Zammit Maempel u Veronica Perici Calascione.