Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nnotat b’mod pożitiv dwar kif Malta avvanzat fil-proċess tat-tilqim.
Dan hekk kif Malta għandha l-ogħla rata tat-tilqim.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nnotat ukoll dwar kif Malta x’aktarx se tkun ukoll l-ewwel pajjiż li tilħaq l-immunità għall-virus fil-jiem li ġejjin.
L-istqarrija tgħid kif il-miżuri li daħħal il-Gvern f’Marzu flimkien mal-istrateġija tal-vaċċinazzjoni kienu r-raġuni wara t-tnaqqis fil-każijiet u mwiet.
Tennew kif dan hu riżultat mill-aqwa mhux biss għas-saħħa tal-poplu iżda kif ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż.
Dan hekk kif in-negozji li tirrappreżenta l-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji jinsabu ħerqana hekk kif qed jaraw dawn ir-riżultati bħala tama ġdida għan-negozju tagħhom.
Il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji tenniet kif tinsab fi qbil dwar l-istrateġija ta’ ftuħ b’mod gradwali tal-ekonomija.
Intant fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, saret diskussjoni dwar l-oqsma tematiċi u l-mistoqsijiet ewlenin li għandhom ikunu l-bażi tal-Istrateġija Nazzjonali għal wara l-pandemija li se tiġi ppubblikata qabel it-tmiem tat-tieni kwart tas-sena.
Il-Ministru għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Kordinazzjoni tal-Istrateġija għal wara Covid-19 Owen Bonnici spjega li frott id-deċiżjonijiet għaqlin li ttieħdu mill-Gvern matul il-pandemija, pajjiżna jinsab f’qagħda ekonomika u soċjali b’saħħitha u hu imbassar li Malta se tkun waħda mill-pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea li se tagħmel irkupru pożittiv u tajjeb wara l-pandemija.
Huwa qal li l-fatt li Malta qiegħda tħares lejn il-futur mill-pożizzjoni ta’ vantaġġ ma jfissirx li m’għandniex nitkellmu fuq għada.
Min-naħa tiegħu, l-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li l-irkupru ekonomiku mill-pandemija se jkun l-ixprun ta’ ekonomija iżjed diġitali u ħadra, b’metodi ġodda ta’ xogħol li għandhom jgħinu l-istess irkupru.