Il-Kampjonati Maltin, jiġifieri l-Kampjonat Premier, Challenge, Amateur, Futbol Femminili u Futsal se jkomplu mit-Tnejn 17 ta’ Jannar ‘il quddiem.
Dan ġie deċiż waqt laqgħa virtwali tal-Bord Eżekuttiv tal-MFA li saret it-Tnejn waranofsinhar wara talba minn uħud mill-klabbs tal-Kampjonat Premier.
Il-Kampjonati Maltin kienu mistennija li jkomplu fit-tmiem din il-ġimgħa wara l-waqfa minħabba l-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Minn informazzjoni li għandha din il-paġna, kemm il-klabbs bejniethom kif ukoll l-amministrazzjoni tal-MFA ma qablux dwar dan il-posponiment tant li kellu jittieħed vot li finalment wassal għal dan il-posponiment.
Fis-sigħat li ġejjin l-MFA ser tkun qed terġa’ tippubblika l-fixtures tal-logħbiet li ser jkunu jistgħu jerġgħu jibdew jintlagħbu mill-17 ta’ Jannar ‘il quddiem.
Ħafna mill-klabbs argumentaw, li fid-dawl li l-Awtoritajiet tas-Saħħa enfasizzaw li mis-17 ta’ Jannar ‘il quddiem kull minn ikun f’post pubbliku jridu juru ċertifikat tal-booster, is-sitwazzjoni tkun xi ftit aħjar sabiex jintlagħab il-logħob wara din il-ġurnata.