Bejn l-10 u t-12 t’April Malta se tkun qed tospita l-Kampjonati Ewropej tal-ISKA AMA. Din hi l-ewwel darba li pajjiżna se jkun qed jorganiżża dan l-avveniment hekk prestiġġjuż. Kompetizzjoni li se tlaqqa’ f’pajjiżna uħud mill-aqwa atleti tal-arti marzjali fl-Ewropa.
Dan l-avveniment se jsir fil-Malta Film Studios, il-Kalkara. Il-Ministru tal-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima se jkun qed imexxi ċ-ċerimonja tal-ftuħ li se ssir fid-9 t’April, fit-8 ta’ filgħaxija.
B’kollox se jieħdu sehem 820 atleta minn 20 pajjiż differenti, fosthom Malta. Il-pajjiżi l-oħra parteċipanti huma: Franza, il-Polonja, il-Georgia, l-Iskozja, l-Ażerbajġan in-Norveġja, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Ingilterra, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Irlanda, Spanja, l-Iżvizzera, Ċipru, il-Portugall, ir-Rumanija, l-Italja u l-Ukrajna.
Malta se tikkompeti bi 52 atleta. Fost l-atleti maltin hemm ismijiet magħrufa f’pajjiżna bħal Emma Xuereb, Celeste Galea, Jesred Piscopo u Victor Galea.
Il-ġlidiet se jkunu f’kategoriji differenti, fosthom Kata/Forms, Wai Kru, Semi Contact Kickboxing, Light Contact Kickboxing, K-1 Light, Unified Kick Light, Muay Thai u Unified Rules.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ sabiex jattendui għal dan l-ispettaklu ta’ arti marzjali u jagħti l-appoġġ lill-atleti maltin.

