Il-Kampjonati Nazzjonali BOV tal-Water Polo se jibdew fis-7 ta’ Ġunju u se jaraw 12-il tim, l-akbar numru ta’ timijiet f’ħafna snin jikkompetu għall-unuri ewlenin. Dan tħabbar minn Joe Caruana Curran, President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-iSport Akkwatiku waqt konferenza stampa indirizzata wkoll minn Joseph Agius, Chief Technology Officer fi ħdan il-Bank of Valletta.
‘Wara t-tfixkil ta’ dawn l-aħħar sentejn, qed nistennew bi ħġarna li jkollna l-partitarji tat-timijiet magħna sa mill-bidu nett tal-istaġun, fi staġun li qed nittamaw li jkun l-aħħar wieħed mingħajr plejers barranin,’ kompla s-Sur Caruana Curran. ‘L-istaġun jibda bir-rawnd preliminari biex jiġu determinati liema timijiet jikkwalifikaw għall-Kampjonat BOV Premier jew dak tal-Ewwel Diviżjoni, bin-Knockouts jibdew wara r-rawnd preliminari fil-5 ta’ Lulju, bil-Finali tagħhom jintlagħbu fit-3 ta’ Awwissu. Il-Kampjonati jispiċċaw f’finali playoff fuq bażi tal-aħjar minn 3 logħbiet, li se jintlagħbu bejn it-13 u l-20 ta’ Awwissu.’
L-istaġun se jintemm aktar kmieni mis-soltu minħabba l-impenji internazzjonali tat-timijiet nazzjonali, b’mod speċjali dak tal-irġiel fil-fażi finali tal-kampjonat ewropew.
‘Nieħdu din l-opportunità biex nirringrazzjaw lill-Bank of Valletta tal-appoġġ tagħhom għall-15-il sena konsekuttiva, u wara l-kompetizzjonijiet jaħarqu li rajna matul il-kampjonati BOV tax-xitwa, biż-żewġ diviżjonijiet jeħtieġu decider, għandna nistennew staġun interessanti u kompetittiv ħafna,’ temm jgħid il-President tal-ASA.
Għal staġun ieħor mhux se jkun hemm plejers barranin jieħdu sehem, bil-president tal-ASA Joe Caruana Curran qal li dan qed isir ghall-ġid tal-klabbs li wara l-pandemija għadhom qed jippruvaw jirkupraw mit-telf finanzjarju li sofrew.
‘L-isport jifforma parti integrali mill-investiment tal-Bank fil-komunità li jopera fiha bħala parti mill-impenji ESG tiegħu,’ qal is-Sur Agius. ‘Tul dawn l-aħħar 15-il sena ta’ kollaborazzjoni tagħna mal-ASA, rajna titjib notevoli fil-livell tal-logħob li rriżulta wkoll f’Malta tikseb riżultati pożittivi fix-xena internazzjonali. Nieħdu din l-opportunità biex nawguraw lit-timijiet parteċipanti kollha u nirringrazzjaw lill-komunità kollha tal-waterpolo għall-appoġġ tagħhom lil din il-logħba.’
Dawn huma l-gruppi għall-fażi preliminari:
Grupp A: Neptunes, Valletta, Birżebbuġa, Sirens, Ta’ Xbiex, Otters
Grupp B: San Ġiljan, Sliema, Marsaskala, Exiles, Marsaxlokk, Barracudas