F’konferenza tal-Aħbarijiet, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA Bjorn Vassallo, ħabbar li l-Kampjonat Premier se jkun qed jibda fil-11 ta’ Settembru li ġej, iżda bil-bibien magħluqa għall-partitarji.
Bjorn Vassallo ħabbar ukoll li l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni ddeċieda li jekk fil-futur jerġa’ jiġri bħall-aħħar kampjonat u jkunu ntlagħbu ħamsa u sebgħin fil-mija tal-partiti u l-kampjonati jkollhom jieqfu ħesrem, il-klassifika tibqa’ tgħodd. Min-naħa l-oħra jekk ikunu ntlagħbu anqas minn dan il-perċentwal u l-kampjonati jkollhom jieqfu ħesrem, dawn jiġu abbandunati. Is-Sur Vassallo spjega wkoll li kemm il-darba matematikament ikun hemm diġà verdett din għandha tiġi rispettata.
Il-President ħabbar ukoll li l-MFA ħatret kummissjoni medika biex tevalwa s-sitwazzjoni preżenti tal-imxija u żied jgħid li l-logħob tal-klabbs Maltin fl-Ewropa se jintlagħbu f’konformità mad-direttivi mediċi tal-UEFA.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tħabbar ukoll li l-eks uffiċjal internazzjonali Alan Mario Sant se jkun qed jinħatar bħala Chairman tal-Kumitat tar-referees tal-MFA.
Bjorn Vassallo għalaq billi qal li fil-pożizzjoni li qiegħed il-futbol bħalissa, bħal assoċjazzjonijiet oħra, l-MFA ma tistax tagħti garanziji li l-qafas ippjanat jinżamm għaliex dan jiddependi minn ħafna fatturi minħabba li s-sitwazzjoni hija fluwida ħafna.
L-MFA se tkun qed tiddependi ħafna mid-dħul finanzjarju internazzjonali jekk il-baġits finazjarji jiġux riveduti.
Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali Angelo Chetcuti li qal li l-MFA bdiet taħdem għall-installazzjoni ta’ kameras speċjali li permezz tagħhom jintwerew l-partiti kollha jew fuq it-televiżjoni jew permezz ta’ live-streaming.