Fl-aħħar xhur il-Gvern Malti kiseb iktar fiduċja, biex issa għandu livell ta’ fiduċja ta’ 55%. Meta wieħed iqabbel l-aħħar stħarriġ tal-Eurobarometer ma’ dak ta’ qablu, jinnota kif minkejja l-maltemp li tipprova toħloq l-Oppożizzjoni, il-Gvern kompla jkun iktar fdat.
Minkejja t-tentattivi tal-Oppożizzjoni fl-aħħar xhur, minflok il-Gvern tilef il-kredibbiltà, żiedha.
Studju tal-Eurobarometer jindika kif minn Novembru sa Mejju, il-Gvern kiseb 4% iżjed fiduċja. Stħarriġ tal-Eurobarometer li sar bejn 7-17 ta’ Novembru 2015 wera li l-fiduċja fil-Gvern kienet ta’ 51%.
Stħarriġ li sar bejn il-21-30 ta’ Mejju li għadda jindika li l-fiduċja fil-Gvern telgħet għal 55%, li jikkonferma lill-Gvern Malti bħala l-iktar Gvern fdat fl-Unjoni Ewropea kollha.
Dan juri kif minkejja t-tentattivi tal-Oppożizzjoni: b’voti ta’ sfiduċja fil-Parlament, protesti, u dimostrazzjoni quddiem il-Qorti fost l-oħrajn, il-poplu baqa juri, anzi żied il-konvinzjoni li dan il-Gvern miexi fit-triq it-tajba.
Filfatt, għalkemm il-fiduċja fil-Parlament Malti telgħet ukoll, il-poplu għandu 6% iktar fiduċja fil-Gvern milli fil-Parlament Nazzjonali.
Distakk li fil-medja Ewropea huwa f’minimu ta’ wieħed fil-mija biss. Xi ħaġa li possibbilment tixħet dawl fuq l-opinjoni tal-poplu Malti dwar id-deputati li mhumiex fil-Gvern, iġifieri l-Oppożizzjoni.