Kif kien mistenni, Bernard Grech żamm postu bħala Kap Nazzjonalista, wara l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Bosta osservaturi politiċi nnutaw li Grech għamel kampanja ta’ biża’ biex ħadd ma jikkontestalu għall-ogħla kariga fil-Partit Nazzjonalista.
Kien fil-jum meta tħabbret l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, meta Bernard Grech insista li jrid iżomm is-siġġu tat-tmexxija.
Matul din il-kampanja, bosta nnutaw kif il-kampanja ta’ biża’ minn Bernard Grech, wasslet biex dawk interessati li jikkontestaw għall-Kap Nazzjonalista, qatgħu qalbhom.
Dan hekk fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waħħal f’kulħadd dwar il-problemi li għandu l-partit iżda fl-ebda mument m’assuma parti mir-responsabilità.
Dan filwaqt li Grech qal li l-Partit Nazzjonalista għandu dejn ta’ madwar tnejn u tletin miljun ewro.
Wara Bernard Grech tefa’ s-sejħa ta’ interess u l-Kummissjoni Kandidati tal-Partit Nazzjonalista qalet li Grech huwa idonju biex ikun Kap. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq it-tweġibiet li ta Bernard Grech.
Għal mistoqsija li kien għamillu ONE News, barra l-Kamra tal-Kummerċ, Bernard Grech qal li huwa l-unika persuna li wera interess għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista għax l-ebda kandidat ieħor ma ħass li jista’ jagħmel xi ħaġa aħjar jew differenti minnu.
Bernard Grech tellaq waħdu f’din l-elezzjoni għal Kap u għamel l-istess bħall-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, hekk kif dan tal-aħħar kien ikkontesta għal Kap fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono fl-2012.
Wara li vvutaw xi Kunsilliera fil-votazzjoni bikrija tat-Tnejn, il-manuvri mil-klikka ta’ Bernard Grech komplew jiżdiedu.
Dan hekk kif il-Ħamis, jum qabel il-votazzjoni tal-Ġimgħa, fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit avżat lill-Kunsilliera li jekk jinsabu msefrin, għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni Elettorali biex tinħatar persuna biex tivvota minflokhom.
Dan huwa magħruf bħala vot bi prokura jew “vote by proxy”.
Din il-manuvra ta’ paniku minn Bernard Grech kompliet turi l-firda fil-Partit Nazzjonalista.
Fost l-oħrajn, l-eks Deputat Nazzjonalista u ewlieni tal-establishment, Jason Azzopardi, fuq Facebook spiċċa jiżżufjetta bil-manuvra tal-vot bi prokura.