Tnediet il-kampanja nazzjonali Pink October-Movember 2023, li għat-tmien sena konsekuttiva se tkun qed tqajjem aktar kuxjenza dwar il-mard tal-kanċer li sfortunatament jaffettwa l-ħajja ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin kull sena.
Dettalji tal-kampanja, li qed tittella’ taħt il-patroċinju ta’ mart il-President tar-Repubblika, Miriam Vella, ingħataw miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat.
Din is-sena l-kampanja se tibbaża fuq it-tipi varji tal-kanċer l-aktar komuni kemm fost in-nisa u anke l-irġiel, fosthom dak tas-sider, tal-ovarji, il-kanċer ċervikali, testikolari u tal-prostata.
Il-kampanja qed tħeġġeġ lin-nies biex imorru jagħmlu t-testijiet u jiċċekkjaw lilhom infushom b’mod regolari.
ONE News tkellem maċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold fejn appellat biex wieħed jieħu ħsieb saħħtu f’dan ir-rigward.
“ Aħna minn hawnhekk nappellaw lill-poplu li jisma’ l-messaġġi tagħna biex jitgħallem dwarhom, jara x’inhuma s-sintomi, jara x’inhuma s-sinjali. Aħna nagħmlu lectures, nagħmlu talks. Kull min hu interessat li jmur għal dawn il-lectures u t-talks għandu jikkomunika mal-Marygold Foundation li tmexxi din il-kampanja. Minbarra hekk ovvjament, minbarra li ngħallmu wkoll, din il-kampanja għandha l-għan li dejjem ngħinu lill-pazjent.”
Il-kampanja se tkun qed tqajjem kuxjenza dwar l-impatt tal-kanċer fuq is-saħħa mentali ta’ dawk li rnexxielhom jegħlbuh, il-pazjenti u anke dawk li jieħdu ħsiebhom. Għalhekk din is-sena, il-Fondazzjoni Marigold qed tinkludi wkoll is-saħħa mentali.
Rita Brincat, li għelbet il-kanċer tas-sider, qasmet magħna l-esperjenza tagħha, filwaqt li semmiet il-kura li ngħatat u l-għajnuna li sabet waqt li kienet qed tikkumbatti f’din il-fażi diffiċli f’ħajjitha.
“Hawnhekk nieħu dan iċ-ċans li nagħmel il-kuraġġ lin-nies biex meta jgħaddu minn din is-sitwazzjoni m’għandhomx jaqtgħu qalbhom u jħarsu lejja u jimxu ’l qudddiem.”
Jekk wieħed ikollu x-xewqa li jappoġġja Pink October-Movember 2023 għandu jżur il-paġni ta’ Facebook, Instagram jew inkella pinkoctobermovembermalta biex jikseb aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti għal dan ix-xahar