Il-Ħamis li ġej tiġi fi tmiemha l-Kampanja Elettorali, u b’hekk il-kampanja Malta Flimkien. Jumejn qabel il-verdett tal-poplu, il-Partit Laburista se jorganizza l-akbar rally f’din il-kampanja fl-MFCC. Kollox jibda mis-sitta ta’ filgħaxija ’l quddiem bi spettaklu akbar minn dak ta’ nhar il-Ħadd li għadda. Il-kampanja tiġi fi tmiemha bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
Qal, “Rally simili iżda akbar u isbaħ minn dak li rajna nhar il-Ħadd, li kellna feedback sabiħ ħafna minn dawk li attendew u segwew fi djarom u għalhekk nappella ‘l kulħadd sabiex jingħaqad magħna nhar il-Ħamis mis-18:00pm ‘l quddiem għal din l-aħħar attività tal-kampanja Malta Flimkien.”
Micallef qal kif din il-kampanja elettorali trid tissarraf f’aktar ġid għal poplu Malti u Għawdxi jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista.
Qal, “Il-Prim Ministru Robert Abela telaq ftit siegħat wara li tħabbret elezzjoni ġenerali jispjega l-viżjoni tagħna għal dan il-pajjiż. Issa l-Ħamis se jkun l-aħħar diskors matul din il-kampanja, diskors importanti li jien flimkien ma’ kulħadd li hu parti mill-Partit Laburista we look forward too. L-appell tiegħi hu sabiex kulħadd jiġbor il-vot imbagħad ideċċiedu intom x’tagħmlu nhar is-Sibt. Imma la tiġbrux il-vot ifisser li se tiċċaħdu milli jkollkom sehem fid-deċiżjoni għal futur ta’ pajjiżna u uliedkom.”
Wieħed jista’ jirriserva post għar-rally minn fuq is-sit www.partitlaburista.org jew iċempel fuq in-numru 20901751.