Fl-aħħar sigħat il-kampanja ta’ tindif u tisbiħ ‘Insebbħu Pajjiżna’ qabżet l-400km ta’ toroq u postijiet pubbliċi li tnaddfu mill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku. Minn dawn it-toroq inġabru 510 tunellata ta’ skart u materjal li qabel kien qed iħammeġ it-toroq tagħna.
Dawn l-400km ta’ toroq ingħataw nifs ġdid ukoll permezz ta’ żebgħa ġdida fuq 174 central strips u roundabouts, issewwew 41 ħajt tas-sejjieħ jew tal-franka, inbiddlu 276 bozza tat-triq li ma kinux qed jaħdmu, u saret manutenzjoni fuq diversi bankijiet, railings, u għamara oħra tat-triq.
Minbarra l-510 tunellati ta’ materjal li nġabar minn dawn it-toroq, inġabru wkoll 185 tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni mormi illegalment f’diversi bnadi tal-pajjiż.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja stqarr li dawn huma numri li juru l-ħidma sfiqa ta’ bejn 450 u 700 ħaddiem tas-Servizz Pubbliku li qed jipparteċipaw f’din l-inizjattiva u l-effett li qed tħalli din il-kampanja. Però l-akbar riżultat jista’ jarah kulħadd: toroq nodfa u postijiet pubbliċi miżmuma sew.
Hu żied jgħid li dan mhux biżżejjed, u li fil-jiem li ġejjin ‘Insebbħu Pajjiżna’ ħa tqajjem aktar kuxjenza biex anke l-pubbliku jagħti s-sehem tiegħu u jżomm Malta nadifa.
Sostna li l-400km ta’ toroq ikopru kważi t-toroq arterjali kollha ta’ pajjiżna u diversi lokalitajiet li fl-aħħar jiem iddaħħlu f’dan l-eżerċizzju, fosthom il-Belt Valletta, il-Mosta, San Ġiljan, Marsaskala, Birżebbuġa, Birkirkara, Tas-Sliema, il-Gżira, San Pawl il-Baħar, in-Naxxar, Buġibba, u l-Qawra fost oħrajn. In-numru ta’ lokalitajiet mistenni jkompli jikber kull jum li jgħaddi.
Il-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ tinvolvi ħidma kordinata minn diversi ministeri, u l-ħaddiema ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ambjent Malta, Enemalta, Transport Malta, u l-Foundation for Tourism Zones.