Il-ħames ġimgħat f’Mejju tal-2017 jibqgħu mfakkra fl-istorja politika Maltija bħala żmien partikularment intensiv ta’ kampanja elettorali ħarxa u qalila. Il-gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat, wara biss erba’ snin fil-gvern, u b’għadd ta’ suċċessi warajh f’kull qasam, kien assedjat b’allegazzjonijiet serji ta’ nuqqas ta’ governanza trasparenti. Kienu ħames ġimgħat ta’ taqtigħ li fihom ma kienx ċar fejn seta’ kien sejjer bil-vot tiegħu l-elettorat Malti u Għawdxi.
Madanakollu, in-nies ħarġu fit-toroq bi ħġarhom biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-moviment nazzjonali li mexxa ’l quddiem. Ħarġu bil-wegħda li jerġgħu juru l-fiduċja tagħhom fi bniedem li setgħu jemmnu fih u bir-rieda li jagħtuh il-kunsens tagħhom għal ħames snin oħra ta’ tmexxija.
Dan il-ktieb, Aħna Malta, b’ritratti meħuda minn Joe Camenzuli, editjat mill-ġurnalista Jessica Sultana, iddisinjat minn Kevin Barun ta’ Branded Juice, u ppubblikat mis-Sensiela Kotba Soċjalisti, isegwi jum b’jum il-kampanja li l-Partit Laburista għamel fil-toroq, il-pjazzez u l-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex. Kull sezzjoni—mill-ewwel jum tal-kampanja, fl-1 ta’ Mejju, sal-aħħar jum, fil-5 ta’ Ġunju, meta Joseph Muscat reġa’ ħa l-ħalfa ta’ Prim Ministru—hija festa ta’ xbihat, ilwien, siltiet, twemmin u, fuq kollox, esperjenzi mill-isbaħ ta’ poplu fil-pożittività, l-ottimiżmu u l-enerġija tiegħu.
“Dan il-ktieb huwa iddedikat lill-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li segwew lil Joseph Muscat fl-ibliet u rħula ta’ Malta u Għawdex. Huwa ktieb ta’ tifkira ta’ kampanja elettorali unika li wasslet għall-mument storiku tal-Partit Laburista li, għall-ewwel darba f’wieħed u erbgħin sena, rebaħ żewġ elezzjonijiet ġenerali wara xulxin, it-tnejn bl-akbar maġġoranza li qatt rat l-istorja politika nazzjonali.” qal kelliem għall-SKS.
Fid-daħla tiegħu għall-ktieb, il-Prim Ministru Joseph Muscat jappella għall-għaqda u r-rikonċiljazzjoni biex Malta u Għawdex ikomplu jwettqu b’suċċess dak li bdew.
Il-ktieb ta’ 336 paġna se jinbigħ b’mod esklussiv għall-ewwel darba nhar is-Sibt waqt il-Manifestazzjoni tar-rebħa tal-Partit Laburista fuq il-Fosos tal-Furjana.