Il-kameras li bdew jintlibsu fuq l-uffiċjali tal-Pulizija din is-sena, mhux biss għenu fl-investigazzjonijiet fil-Qrati tal-Ġustizzja imma tejbu wkoll l-atteġġjament tan-nies mal-Pulizija u viċi-versa.
Dan qalu l-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà f’intervista esklussiva li ta lil ONE News, li fiha tkellem dwar il-ħidma tal-Korp tul sena oħra tiegħu fit-tmun.
Il-Kummissarju spjega kif l-introduzzjoni tal-body cams din is-sena kienet waħda mill-miżuri li adotta l-Korp biex isaħħaħ il-kunċett ta’ governanza tajba u dawn intlaqgħu tajjeb ħafna anki jekk fil-bidu kien hemm element ta’ xettiċiżmu. “Kien hemm anki nies minn tagħna li kienu pjuttost xettiċi, ħasbu li aħna ħa nkunu big brother fuqhom, però l-għan prinċipali tal-body cams huwa li jirregolaw l-imġieba tal-membri tal-Korp mal-pubbliku però wkoll viċi-versa. Qed naraw, u jgħiduha l-membri tagħna stess, li mindu ntroduċejna l-body cams, l-atteġġjament tan-nies mal-Pulizija tjieb ħafna. ”
Il-Kummissarju tal-Pulizija nnota kif il-body cams huma evidenza ta’ dak kollu li jiġri, tant li l-filmati meħuda minnhom kienu kruċjali fl-investigazzjonijiet ta’ wieħed miż-żewġ omiċidji li seħħew din is-sena. “Kellna każ minnhom tista’ tgħid kellek ammissjoni anki miġbuda fuq body cam u dawk il-first encounters li jkollhom il-membri tal-Korp fuq xena ta’ delitt, hi x’inhi, jista’ jkun każ ta’ vjolenza domestika, meta jinqabdu fuq kamera u tesebixxihom f’Qorti għandhom impatt aktar milli meta uffiċjal jiddeskrivi x’ra b’għajnejh u x’sema’ b’widnejh.”
Il-Kummissarju spjega li minnhom infushom, il-body cams huma wkoll mezz ta’ taħriġ li jgħallmu lill-uffiċjali minn dak li jinqabad fuq il-filmati.
Innota wkoll kif it-teknoloġija użata f’Malta hija l-ewwel tat-tip tagħha fl-Ewropa li tipprovdi wkoll għal xandir dirett. “Kellna operazzjoni fejn użajna l-live streaming b’dawn il-body cams plus li meta niġu f’estremità li trid tuża arma tan-nar jew non-lethal weapon bħalma huwa taser, il-mument li ħriġt dik l-arma, il-body cam tattiva awtomatikament, mhux biss lilha nnifisha imma kwalunkwe body cam li tkun within a distance.”