Waqt ir-replika għall-budget ta’ din is-sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien ipprova jġib fix-xejn it-tbassir tal-Gvern u anke sejjaħlu bħala budget tal-“virtual reality”.
Fil-budget għal din is-sena, il-Gvern bassar li fis-sena elfejn wieħed u għoxrin se jdaħħal aktar minn kemm kien daħħal sentejn ilu, qabel il-pandemija.
Hawnhekk Bernard Grech kien qal li impossibli.
Qal, “Ma nagħmlux mod li dawn l-istimi huma stimi fittizji intiżi biss biex jgħattu x-xemx bl-għarbel? Sur President il-veru ta’ budget tal-virtual reality. U wieħed leġittimament jistaqsi.”
Iżda statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena diġà ġabet fix-xejn dak li qal Grech, hekk kif minn tliet sorsi biss kien hemm dħul ta’ tlieta u tmenin miljun ewro iżjed mill-elfejn u dsatax.
Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, bħala dħul mill-VAT, il-Gvern ra €13-il miljun iktar mill-ewwel sitt xhur ta’ sentejn ilu.
Mit-taxxa tad-dħul kien hemm tnejn u sittin miljun ewro aktar mill-elfejn u dsatax.
U mill-‘fees of office’ kien hemm tmien miljun ewro iżjed mill-elfejn u dsatax, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan sar waqt żmien ta’ pandemija globali, li l-Gvern għen lil familji u negozji jkampaw waqt pandemija, hekk kif ġew salvati madwar mitt elf impjieg.
B’hekk joħroġ ċar li dak imbassar mill-Gvern kien jagħmel ħafna sens u kien maħsub, tant li dak li qal Bernard Grech sejjaħlu “virtwali” issa sar fatt.