Għall-ħabta ta’ nofsinhar, madwar it-toroq tal-Kalkara beda jidwi l-ħoss melankoliku taċ-ċuqlajta.
Din hija l-ewwel darba li nstema’ dan l-istrument f’dan ir-raħal hekk kif l-Għaqda Mużikali ta’ San Ġużepp investa f’ċuqlajta sabiex jingħaqad f’din it-tradizzjoni Maltija.
Iltqajna ma’ Jonathan Cini, id-Direttur tal-Għaqda Mużikali ta’ San Ġużepp li spjegalna s-simboliżmu wara ċ-ċuqlajta.
“Iċ-ċuqlajta oriġinarjament, il-ħoss tagħha, ħoss ta’ tismir, ħoss ta’ storbju, hija normalment assoċjata ma’ dak il-passaġġ fil-Vanġelu ta’ San Mattew fejn jgħid illi mal-mewt ta’ Kristu l-art theżżet, il-purtiera tas-Santwarju ċċartet min-nofs allura kien hemm dak l-element ta’ storbju.”
Il-ħoss taċ-ċuqlajta jissostitwixxu l-ħsejjes tal-qniepen u tindaqq biss f’jiem partikolari tal-ġimgħa mqaddsa.
Minkejja l-fatt li ħafna drabi ċuqlajta ssibha fil-kampnari tal-knejjes, il-Kalkara issa qed tingħaqad mad-diversi bliet u rħula tal-madwar fl-għanja taċ-ċuqlajta.
“Il-knejjes ta’ Ħamis ix-Xirka wara d-daqq tal-Glorja, il-qniepen jieqfu u tidħol iċ-ċuqlajta. Iċ-ċuqlajta tieħu postha f’Ħamis ix-Xirka, fil-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid sa qabel tibda l-quddiesa tal-vġili tal-Għid il-Kbir.”
Din hija l-ewwel darba li qed tiżżanżan din iċ-ċuqlajta iżda żgur mhux l-aħħar darba hekk kif l-Għaqda Mużikali ta’ San Ġużepp qed tipprepara u taħdem fuq avvenimenti li joħolqu atmostera ta’ tradizzjoni fil-Kalkara.
“Għandna f’moħħna li nagħmlu purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tat-tfal, hawnhekk. Fil-fatt, għandna statwa ordnata ta’ Ġesù Redentur kif ukoll hemm ċertu inizzjattivi oħra. Importanti li b’dak li nagħmlu nibdew ngħaqdu n-nies u anki nattiraw nies kemm minn barra r-raħal u kemm anki turisti sabiex jiġu hawnhekk u jsegwu dawn il-manifestazzjonijiet f’din il-ġimgħa partikolari tal-ġimgħa mqaddsa.”
Fil-fatt, il-ħidma ta’ din is-soċjetà issa tilħaq il-qofol tagħha fl-Għid il-Kbir bil-ħruġ tal-istatwa tal-Irxoxt.