Hi logħba mitlufa għall-Partit Nazzjonalista meta jipprova jgħawwi lill-kaċċaturi u n-nassaba Maltin u Għawdxin kontra l-Gvern Laburista.
F’dibatittu fuq “Realtà” fuq TVM, Josef Caruana, il-kandidat għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Laburista, qal li kien Gvern Nazzjonalista, permezz ta’ ittra ta’ garanzija ffirmata mill-eks-Prim Ministru Eddie Fenech Adami li wiegħed l-“ilma jiżfen” lill-kaċċaturi u n-nassaba lura għall-2003 meta assigurahom li bis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea d-delizzji tagħhom ma kinux se jintmissu xi darba.
Bl-ittra infami f’idejh, Caruana enfasizza li dan la kien żball u lanqas xi tip ta’ nuqqas, imma litteralment qerq nazzjonali u qerq b’mod partikolari b’eluf ta’ dilettanti tal-kaċċa u l-insib.
L-eks-Editur ta’ L-Orizzont insista li l-Partit Laburista kien dejjem ta’ spalla għall-kaċċaturi u n-nassaba, tant li kien hu li reġa’ fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Dwar l-insib għall-għasafar tal-għana, Caruana fakkar li Gvern Laburista kien reġa’ fetaħ l-istaġun għal dawn l-ispeċi bejn l-2014 u l-2017. Żied jgħid li dan kellu jingħalaq wara li l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ddeċidiet kontra Malta fil-kawża li l-Kummissjoni Ewropea fetħet kontrina fuq l-applikazzjoni tad-deroga.
Qal li Gvern Laburista qed jittratta s-sitwazzjoni b’kawtela u qed janalizza s-sitwazzjoni biex jevalwa l-passi li jmiss.
“Minkejja dan, il-kaċċaturi u n-nassaba jafu eżatt min qarraq bihom u min bil-maqlub għamel u għadu jagħmel ħiltu biex jipprova jissodisfa d-delizzji tagħhom,” tenna l-kandidat Laburista.