- IL-ĦOBŻ JAGĦMEL ĦAFNA ĦSARA LIĊ-ĊINJI
Dak li qed taraw fir-ritratti huwa grupp ta’ kaċċaturi Għawdxin li salvaw ċinju li spiċċa daruh il-papri fil-limiti tar-Rabat Għawdex.
Dan sab ruħu hemm wara li l-grupp ta’ tnax-il ċinju marru f’Wied Żejta u reġgħu lura lejn Marsalforn. Madanakollu dan iċ-ċinju baqa’ hemm u kellu x-xorti ħażina li safa attakkat.
Sal-bieraħ filgħaxija, iċ-ċinji kienu għadhom Marsalforn. Kelliem għall-Birdlife Malta, Nathaniel Attard, qal li jista’ jiġri minn kollox. Jistgħu jibqgħu hawnhekk biex jevitaw li jivjaġġaw fil-maltemp, u jistgħu wkoll jipprovaw ifittxu ambjent inqas kiesaħ, fid-dawl tal-maltemp li se jagħmel f’dan tmiem-il ġimgħa.
Stqarr li wħud miċ-ċinji huma debboli ħafna. Ilbieraħ filgħaxija, bil-barka tal-WBRU (Wild Bird Regulation Unit), Birdlife għamlu l-ewwel intervent; marru u taw l-ikel liċ-ċinji.
Saru diversi appelli biex ħadd ma jitma lil dawn l-għasafar, għax kien hemm min kien qed jitfalhom il-ħobż. Fil-verità, dan jagħmlilhom ħafna ħsara, għax itihom sensazzjoni li huma mimlija, meta jkun għad fadlilhom bżonn jieklu. Barra minn hekk, iwassal għal ċertu mard ieħor.
Attard spjega li r-rakkomandazzjoni minn esperti barranin kienet li jtuhom legumi u ċereali. Għalhekk xtraw il-ġwież, niżlu bihom, appellaw biex in-nies iżommu d-distanza u tawhom borża ġwież kbira tard filgħaxija.
Jibqa l-appell biex ħadd ma jitma lil dawn l-għasafar.
Ritratti: Malta Diżastru Totali