James Magri ta’ 41 sena minn Ħad-Dingli u li hu kaċċatur, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li qatel tliet ċikonji aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-Qorti semgħet kif il-kaċċatur allegatament ċempel lil ħabib tiegħu wara li qatel l-għasafar protetti fejn qallu li “żbalja”.
Il-ħabib tiegħu, Roderick Galea, tela’ jixhed fejn spjega kif fl-10 ta’ Awwissu għall-ħabta tas-18:30 hu tkellem ma’ Magri u raġel ieħor, Shenizen Borg, f’għalqa f’Ħad-Dingli. L-irġiel innutaw iċ-ċikonji jtiru fil-qrib fejn Magri telaq minn ħdejhom.
Galea spjega kif proprju ftit wara semgħu tliet tiri. Kien wara li semgħu t-tiri li Magri reġa’ resaq ħdejhom fejn kien jidher “konfuż” u qalilhom li spara fuq l-għasafar u li għandhom jiġbru l-affarijiet tagħhom u jitilqu l’hemm. Ftit tal-ħin wara, Magri ċempel lil Galea u qallu li “żbalja”.
Galea qal fil-Qorti li hu ma rax l-għasafar mejta u lanqas ra lill-istess għasafar jintlaqtu minn tir, u li kien hemm madwar ħamsa jew sitt żoni fejn jistaħbew il-kaċċaturi fiż-żona ta’ fejn kienu. Ir-raġel l-ieħor li kien ma’ Ġalea, Borg minn Birkirkara, xehed fil-Qorti fejn spjega kif hu ltaqa’ ma’ Magri għall-ħabta tas-18:15 tal-istess jum fejn fuqu kellu l-arma li juża għall-kaċċa. Galea wasal ftit wara fejn qal li ftit wara lemħu ċ-ċikonji jtiru.
Borg xehed kif uħud miċ-ċikonji niżlu fuq xi arbli li kienu fil-qrib u Magri avviċinahom. Spjega li ftit wara semgħu tliet tiri iżda ma raw xejn hekk kif huma baqgħu jħarsu lejn iċ-ċikonji. Ftit wara Borg spjega kif Magri reġa’ mar ħdejhom u qalilhom “erfgħu kollox, erfgħu kollox, ejja ħa mmorru!” Borg xehed kif hu ma lemaħ ebda ċikonja mejta.
Ċiklist li kien fiż-żona, Joseph Psaila, irrakkonta kif hu waqaf biex jiġbed xi ritratti tal-għasafar u proprju kif waqaf wieħed miċ-ċikonji tar. Spjega kif sema’ xi tiri u ra xi għasafar neżlin. “Kif dort mal-kantuniera nara raġel jiġri bl-arma f’id minnhom u għasfur fl-id l-oħra.”
Psaila spjega kif l-istess raġel sparixxa u ftit wara rritorna bl-arma biss f’idu. Psaila ċempel lill-BirdLife Malta biex jirrapporta l-każ.
Il-filmat li nġibed minn kamera li kienet mar-rota ta’ Psaila ngħata lill-Pulizija.
Il-Qorti semgħet kif semgħet wara spezzjoni li saret mid-Dipartiment tal-Infurzar tal-Liġi, ġew ikkonfiskati numru ta’ għasafar ibbalzmati.
L-Ispettur Colin Sheldon qal kif l-għalqa ta’ Magri kienet tinsab madwar 30 sekonda mixja ‘l bogħod miż-żona fejn instab wieħed mill-għasafar mejta.
L-avukat tad-difiża Edward Gatt għamel talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Qorti tilqa’ din it-talba fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €7,000 bl-akkużat irid jiffirmma darba fil-ġimgħa fl-eqreb għassa.