Jimmy Muscat ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie akkużat li spara fuq tajra protetta ġewwa l-Miżieb fil-Mellieħa.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija rċevew telefonata u ġew infurmati li persuna spara fuq tajra protetta.
Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post fejn allegatament sabu lil Muscat dieħel fil-vettura tiegħu u nnutawh idaħħal idejh fil-but.
Intqal kif wara tfittxija, il-Pulizija sabu rix tat-tajra protetta fil-but u taħt is-seat tas-sewwieq instabet it-tajra mejta.
Muscat ġie arrestat fuq il-post u ttieħed id-Depot.
Wara tfittxija fid-dar tal-imputat u ta’ missieru, allegatament instabu ammont ta’ tajr ibbalzmat flimkien ma’ numru ta’ snieter, u anke snieter immodifikati biex ma jagħmlux ħoss qawwi.
Muscat ġie ordnat li ma jersaqx lejn dawn id-djar sakemm isiru l-verifiki neċessarji fuq l-għasafar ibbalzmati, biex l-awtoritajiet ikunu jafu jekk dawn inqatlux b’mod illegali.
L-imputat ingħata l-ħelsien mill arrest fuq depożitu ta’ elfejn ewro u garanzija personali ta’ ħamest elef ewro.
Il-Maġistrat Dr. Natasha Galea Sciberras wissiet ukoll lil mara tal-imputat sabiex ma tmiss ebda oġġett li jista’ jkun ta’ evidenza f’dan il-każ.