Il-kaċċa għall-gamiem u s-summien se tiftaħ dan ix-xahar – bħas-sena l-oħra.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, hekk kif intqal li f’laqgħa tal-Kumitat Ornis, ta’ llum il-Kumitat ivvota favur proposta mressqa mill-istess federazzjoni.
Din il-proposta irrakkomandat lill-Ministru inkarigat, sabiex japplika deroga mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala tal-“Għasafar”, biex jippermetti l-kaċċa tal-gamiem u s-summien waqt din ir-Rebbiegħa, bl-istess mod bħall-istaġun tal-kaċċa tar-rebbiegħa tas-sena preċedenti.
Dan ifisser li l-kaċċa għas-summien, se tiftaħ mill-10 sat-30 t’April 2024, filwaqt li l-kaċċa għall-gamiem se tkun miftuħa mis-17 sat-30 t’April 2024, iż-żewġ ġranet inklużi għaż-żewġ staġunijiet.
Il-ħinijiet tal-kaċċa jibdew minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar ta’ kull ġurnata tal-istaġuni u l-kwoti nazzjonali tal-qbid ukoll se jibqgħu bħal dawk tas-sena l-oħra, jiġifieri ta’ 2400 għas-summien u ta’ 1500 għall-gamiem.
Fl-istqarrija intqal kif, il-proposta tal-FKNK tressqet f’dokument li l-FKNK ħejjiet fejn huma dettaljati r-riżultati pożittivi dwar is-sostinibilita’ tal-kaċċa tal-gamiem miksuba, li ħarġu minn surveys u studji xjentifiċi li l-FKNK għamlet bl-għajnuna volontarja ta’ membri tagħha tul dawn l-aħħar snin.
Il-Kumitat Ornis huwa mistenni li jkompli din il-laqgħa il-ġimgħa d-dieħla sabiex jiddiskuti l-kumplament tal-Aġenda.