Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, u wara li ttieħdu in konsiderazzjoni l-parametri legali u ta’ konservazzjoni, il-Gvern ħabbar li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2017 ser jiftaħ biss għas-summien bejn is-Sibt 25 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 14 t’April, iż-żewġ dati inkluż, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar (12pm). Dawk il-persuni biss li jingħataw il-Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa għas-sena 2017 ħa jkollhom il-permess li jikkaċċjaw is-summien matul l-istaġun.
Kaċċaturi eliġibbli jistgħu japplikaw għal-Liċenzja Speċjali fi kwalunkwe fergħa tal-MaltaPost f’Malta u Għawdex matul ħinijiet tal-ftuħ bejn it-Tnejn 27 ta’ Frar sas-Sibt 11 ta’ Marzu, iż-żewġ dati inklużi minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar (12pm). Applikazzjonijiet li jiġu sottomessi wara dan il-perjodu ma jiġux aċċettati. Sabiex tapplika għall-Liċenzja Speċjali irid ikollok:
(a) Il-liċenzja ġenerali valida għall-kaċċa tal-għasafar fuq l-art;
(b) Sħubija f’għaqda rikonoxxuta tal-kaċċa mħallsa għas-sena 2017;
(c) Polza ta’ assigurazzjoni valida għas-sena 2017 li tkopri terza persuni;
(d) Il-liċenzja valida tal-ġarr tal-arma għall-kaċċa tal-għasafar fuq l-art maħruġa mill-Pulizija.
Min se japplika għan-nom ta’ ħaddieħor irid ukoll jippreżenta il-karta tal-identità tiegħu lill-uffiċjali tal-MaltaPost. Wara din il-proċedura ta’ applikazzjoni, Liċenzji Speċjali ħa jitqassmu lill-applikanti eliġibbli bil-posta.
Il-Liċenzja Speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa mhix trasferibbli, tippermetti biss il-kaċċa għas-summien, u l-ebda speċi oħra. Ma tistax issir kaċċa mingħajr din il-Liċenzja Speċjali. Il-kwota komplessiva għall-kaċċa fir-rebbiegħa tal-2017 hija ta’ 5,000 summiena. Il-kwota ta’ għasafar li persuna liċenzjata tista’ taqbad f’ġurnata waħda fl-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa 2017 hija ta’ ħames summiniet fil-ġurnata u għaxar summiniet tul l-istaġun.
Kull kaċċatur li jingħata Liċenzja Speċjali għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa 2017 se jkun obbligat sabiex, hekk kif għasfur jiġi maqbud, iċempel immedjatament minn numru tal-mobile fuq in-numru indikat fil-liċenzja u jsegwi l-istruzzjonijiet li jingħataw waqt l-istess telefonata.
Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 22926402.