Qed ikun irrappurtat li dalgħodu, il-kabinett ta’ Iżrael approva pjan sabiex jieħdu f’idejhom il-Medda ta’ Gaza kollha, mossa li jekk tkun implimentata tfisser li se jkunu qed jespandu l-operazzjonijiet militari tagħhom fit-territorju Palestinjan. Din il-mossa żgur li se tkun qed tiffaċċja oppożizzjoni intensa internazzjonalment.
Ftit sigħat qabel, il-mexxej tal-militar Iżraeljan kien ħabbar li qed jiġbor għexieren ta’ eluf ta’ suldati riserva bi tħejjija għal dan il-pjan.
F’dan il-pjan, li skont uffiċjali ta’ Iżrael huwa intenzjonat sabiex jeqred il-Hamas u jeħles l-ostaġġi miżmuma f’Gaza, se jkunu qed jiġu mkeċċija mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani lejn in-Nofsinhar ta’ Gaza li wisq probabbli se tkun qed tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni umanitarja li tinsab fi kriżi estrema.
Minn mindu kkollassa l-ftehim mill-waqfien mill-ġlied f’nofs Marzu, li kien qed jiġi attwat bejn Iżrael u l-Hamas, Iżrael kompla jieħu fil-pussess tiegħu aktar territorju fil-Medda li sal-lum jammonta għal madwar 50% ta’ Gaza. Barra minn hekk, qabel ma kienet intemmet it-tregwa, Iżrael kien waqqaf l-għajnuna umanitarja kollha milli titħalla tidħol fil-Medda ta’ Gaza inkluż ikel, fjuwil u ilma biex b’hekk skattat l-agħar sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarja mid-dsatax-il xahar ta’ ġlied bejn Iżrael u l-Hamas.