Fuq parir tal-Avukat Ġenerali Dr Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, il-Kabinett tal-Ministri ddeċieda li jagħti l-parir lill-President ta’ Malta George Vella li ma jilqax it-talba għall-proklama li għamlu Alfred Degiorgio, George Degiorgio u Vince Muscat.
Fi stqarrija l-Gvern qal li d-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija wkoll fl-interess nazzjonali u l-ġustizzja.
Intqal kif qabel il-laqgħa tal-Kabinett, il-Ministru Carmelo Abela ddikjara li fid-dawl tal-allegazzjonijiet bla bażi mressqa dwaru mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi u l-kawża ta’ libell li fetaħ kontra tiegħu, iddeċieda li jirrikuża ruħu.
Il-Ministru Carmelo Abela spjega kif ħa din id-deċiżjoni minkejja li ma hemm ebda raġuni statutorja jew raġuni oħra biex jagħmel dan.
Saħaq li għamel dan biss, biex jevita li xi ħadd jogħġbu jixħet suspett ta’ imparzjalità jew dubju fil-ħidma tal-Kabinett.
L-aħwa Degiorgio kienu fost dawk li talbu l-maħfra Presidenzjali biex jixhdu fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huma jinsabu mixlija li qatlu lil Caruana Galizia u rapporti kienu qalu li George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ kien anki talab il-maħfra għal kull każ u anki tas-sieħba tiegħu Anca-Adelina Pop.
Pop tinsab mixlija b’ħasil ta’ flus u rapporti fil-midja wkoll qalu li din kitbet lill-President ta’ Malta biex tiċċara li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali fuq każ kriminali li tinsab akkużata bih.
Permezz tal-Avukat tagħha, Roberto Montalto, is-sieħba taċ-‘Ċiniż’ qalet li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali u m’għandha l-ebda ħsieb li titlob għall-maħfra mill-President tar-Repubblika.
L-Avukat tas-sieħba ta’ George Degiorgio ġie rappurtat jgħid li l-klijenta tiegħu hija konvinta mill-innoċenza tagħha fil-każ ta’ allegat ħasil ta’ flus u se tkun qed tipprova fil-Qorti li hi mhux ħatja.