Angelo Gafà huwa l-kandidat li qed jiġi referut għall-Kummissarju tal-Pulizija wara li l-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati li tressqu mill-organu Kostituzzjonali indipendenti, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Din il-Kummissjoni għarblet l-erbatax-il kandidat li ressqu ‘l quddiem wara sejħa pubblika li saret għall-ewwel darba għall-ogħla kariga fil-korp.
B’mod unanimu, il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, li għanda membri nominati miż-żewġ naħat tal-kamra u ċ-chairperson Louis Naudi maħtur bi qbil bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, irreferiet il-lista mqassra għal żewġ kandidati lill-Kabinett tal-Ministri.
Il-Kummissjoni għamlet proċess ta’ evalwazzjoni estensiv fejn fost l-oħrajn għamlet intervisti individwali u anki b’mod kollettiv lill-applikanti kollha u saħansitra għamlet test għas-saħħa mentali ta’ kull min applika.
Il-Kabinett tal-Ministri kkunsidra ż-żewġ kandidati u ddeċieda li jirreferi lis-Sur Angelo Gafà bħala l-aktar wieħed addattat għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija, għal smigħ parlamentari mill-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi. Dan il-pass qed isir wara li l-Parlament approva metodu ġdid għall-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija.
Għall-ewwel darba fl-istorja, il-Kummissarju tal-Pulizija se jinħatar wara sejħa pubblika u bi proċess ta’ skrutinju mill-Kumitat tal-Ħatriet Pubbliċi fil-Parlament. Il-proċess huwa wieħed aktar miftuħ u trasparenti u jmur pass iżjed ‘il quddiem mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja hekk kif il-Prim Ministru reħa l-veto minn idu u mhux se jkun qed jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Angelo Gafà għandu 41 sena u ilu membru fil-Korp tal-Pulizija mill-2003 meta kien daħal bħala Uffiċjal Kadett permezz tal-Iskema ta’ Reklutaġġ tal-Korp. Gafà laħaq spettur fl-2004 u malli nħatar kien assenjat dmirijiet investigattivi u rwol prosekutorju fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija fejn serva sa Ġunju 2013.
Għal tliet snin u nofs serva fi ħdan is-Servizz Malti tas-Sigurtà fost l-oħrajn bħala Assistent Kap tal-Organizazzjoni. Sentejn ilu huwa laħaq Supretendent tal-Pulizija u wara sejħa pubblika, f’Diċembru 2016 is-Sur Gafà inħatar bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal- Korp tal-Pulizija liema kariga għadu jokkupa sal-lum.
Angelo Gafà kien anki fl-Armata qabel daħal pulizija. Huwa kien it-Tieni Logutenent fil-Forzi Armati ta’ Malta. Kemm meta għamel l-eżami tad-dħul fil-Forzi Armati kif ukoll f’dak tal-Pulizija, huwa ġie l-ewwel. Huwa wkoll lekċerer fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan l-Università ta’ Malta fil-Fakultà tas-Social Wellbeing.