Il-Kabinett tal-Ministri ta l-parir lill-President ta’ Malta Dr George Vella biex ma jilqax it-talba għall-maħfra Presidenzjali tal-aħwa Degiorgio.
Fis-26 t’April, George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ u Alfred Degiorgio magħruf bħala ‘l-Fulu’ għamlu talba għall-proklama permezz tal-avukat tagħhom.
Fi stqarrija l-Gvern qal, li b’konformità mal-parir tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kabinett irrakkomanda li l-proklama ma tingħatax.
Intqal li d-deċiżjoni tal-Kabinett mhux biss hija bbażata fuq il-parir tal-istituzzjonijiet relevanti, iżda hija meħuda wkoll fl-interess nazzjonali u fl-interess tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Il-Ministru Carmelo Abela rrikuża ruħu għall-istess raġunijiet msemmija fl-istqarrija tal-Gvern ta’ Malta dwar talba oħra għall-proklama, li kienet ippubblikata fid-19 ta’ April li għadda.
L-aħwa Degiorgio flimkien ma’ Vince Muscat il-‘Koħħu’ kienu diġà talbu għall-maħfra fuq każijiet kriminali iżda t-talba kienet ġiet miċħuda.
Il-‘Koħħu’ kien ammetta l-involviment tiegħu fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u weħel 15-il sena ħabs.
Huwa ngħata l-proklama fuq il-każ tal-Avukat Carmel Chircop u sussegwentament ġew arrestati tliet persuni, l-aħwa tal-Maksar, Adrian u Robert Agius u Jamie Vella.
L-aħwa Degiorgio jinsabu mixlija li qatlu lil Caruana Galizia u rapporti kienu qalu li George Degiorgio magħruf bħala ċ-‘Ċiniż’ kien anki talab il-maħfra għal kull każ u anki tas-sieħba tiegħu Anca-Adelina Pop.
Pop tinsab mixlija b’ħasil ta’ flus u rapporti fil-midja wkoll qalu li din kitbet lill-President ta’ Malta biex tiċċara li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali fuq każ kriminali li tinsab akkużata bih.
Permezz tal-Avukat tagħha, Roberto Montalto, is-sieħba taċ-‘Ċiniż’ qalet li hi qatt ma talbet għall-maħfra Presidenzjali u m’għandha l-ebda ħsieb li titlob għall-maħfra mill-President tar-Repubblika.