Il-Kabinett tal-Ministri u l-Grupp Parlamentari tal-Gvern qed jiddiskutu r-rapport tal-Caritas bit-titlu “A Minimum Essential Budget for a Decent Living.” Dan ir-rapport ikkonferma li pajjiżna ra tnaqqis fost dawk f’riskju ta’ faqar is-sena li għaddiet, iżda fl-istess ħin jelenka numru ta’ sfidi. Fost oħrajn isemmi kif għandu jkun hemm żieda gradwali fil-paga minima.
Meta rreaġixxa għar-rapport il-gvern qal li jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li miżuri minn tiegħu qed iħallu l-frott, filwaqt li l-Prim Ministru għamel iktar minn dikjarazzjoni waħda li l-proposta dwar il-paga minima għandha tkun diskussa. Dikjarazzjoni li rrepeta qabel il-laqgħa tal-Kabinett.
F’eżempju ċar ta’ kemm il-Gvern qed jieħu dan ir-rapport bis-serjetà l-uffiċjali tal-Caritas issejħu għal-laqgħa tal-Kabinett biex jagħmlu preżentazzjoni.