Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Kabinett approva t-tnedija tal-White Paper dwar id-dikriminalizzazzjoni sħiħa tal-pussess tal-kannabis sa ċertu ammont.
Issa jmiss li l-Gvern iressaq dan l-abbozz ta’ liġi għall-konsultazzjoni biex finalment anki titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament.
Tul il-jum tat-Tnejn, il-Kabinett iddiskuta din il-White Paper ma’ diversi għaqdiet u partijiet interessati waqt laqgħa li saret fil-binja tal-General Workers Union fil-Belt.
Il-Prim Ministru ddeskriva din il-laqgħa bħala waħda simbolika li tirrappreżenta l-bżonn li jiġu protetti l-interessi ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema.
Qal li fl-aħħar xhur, fi kriżi globali, dan il-Gvern wera kif meta affaċċjat bl-akbar sfidi, żamm fiċ-ċentru ta’ ħidmietu, l-interessi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, u ħareġ b’inizjattivi maħsuba biex isostnu l-kwalità tal-impjiegi.
Dr Abela qal li l-ħaddiem hu element ewlieni ta’ Tim Malta, u semma b’sodisfazzjon kif il-qgħad ilu jonqos mindu tnieda l-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika f’Ġunju li għadda.
Il-Prim Ministru qal li s-sena l-oħra ġew iffirmati sittax-il ftehim kollettiv, uħud għall-ewwel darba, biex il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu jissaħħu.
Bil-għan li dan jibqa’ jseħħ, il-Gvern qed jikkonsulta biex ifassal politika aġġornata għas-suq tax-xogħol għas-seba’ snin li ġejjin, għaliex bix-xogħol tonqos id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali filwaqt li tingħata dinjità lil kulħadd.
Qal kif, “Il-ħaddiem għandu wkoll saħħtu x’jieħu ħsieb u l-kwalità tal-ħajja tiegħu u tal-familja tiegħu. Għalhekk, irridu nkomplu nitkellmu dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u dwar il-mod kif nistgħu naħdmu b’mod aktar effiċjenti. Nemmen li l-ħaddiem irid jaħdem biex jgħix u mhux jgħix biex jaħdem. Dan għalina huwa t-twemmin minqux fil-qalb tal-politika ta’ dan il-Gvern.”
Intant, meta mistoqsi minn ONE News dwar l-iskema t’għajnuna fil-ħlas tal-pagi mill-Gvern fi tmiem il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru qal li aktar tard din il-ġimgħa, il-Gvern se jħabbar kif lil hinn minn Marzu se tibqa’ tingħata l-COVID Wage Supplement.
Spjega, “Aktar tard din il-ġimgħa, se nkunu qegħdin nagħmlu tħabbira uffiċjali dwar kif se jiġi regolat il-Wage Supplement lil hinn minn Marzu però ninsab f’qagħda li nagħti serħan il-moħħ lill-familji tagħna li l-impjieg tagħhom huwa dipendenti fuq il-Wage Supplement u lin-negozji tagħna li ħallejnihom joperaw bis-saħħa tal-Wage Supplement, li dan il-Gvern mhux se jkun qiegħed ineħħi s-sapport f’mument li huwa meħtieġ.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja, qal li kieku ma kienx għall-COVID Wage Supplement, għandna ħafna qgħad f’pajjiżna.
Fi preżentazzjoni lill-Kabinett, bit-tema “Xogħol Diċenti għal Kwalità ta’ Ħajja Aħjar”, imsejsa fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, is-Sur Bugeja preżenta l-viżjoni tal-Unjin dwar it-triq ’il quddiem fis-suq tax-xogħol.
Huwa emfasizza t-tisħiħ fl-edukazzjoni, xogħlijiet diċenti fid-dinja l-ġdida tax-xogħol, is-soċjetà, l-ambjent, il-kwalità tal-ħajja, l-ekonomija u l-ħarsien ta’ persuni vulnerabbli.
https://www.one.com.mt/2021/03/01/bil-filmat-il-pm-jaghti-serhan-il-mohh-dwar-il-covid-wage-supplement-lil-hinn-minn-marzu/