Il-Kabinett tal-Ministri, li tlaqqa’ t-Tlieta filgħodu, approva t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima. Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela fuq il-midja soċjali.
F’din il-kitba, Dr Abela qal li l-bidla fil-klima hi waħda mill-akbar sfidi ta’ din il-ġenerazzjoni u l-effetti huma kbar. Il-Prim Ministru qal li rridu sforz iffokat biex pajjiżna, anke jekk pajjiż żgħir, ikompli jagħmel il-parti tiegħu.
Dr Abela sostna wkoll li l-Kabinett tal-Ministri approva wkoll skemi ambjentali għan-negozji ta’ pajjiżna u sostna li, fil-jiem li ġejjin, il-Gvern se jkompli jispjega u jagħti aktar dettalji.
F’din il-kitba fuq il-midja soċjali, Dr Abela temm jgħid li l-prijoritajiet ambjentali, li fassal il-Gvern, se jkompli jimplimentahom.
Din l-awtorità l-ġdida kienet ġiet diskussa f’laqgħa mal-Prim Ministru fil-Berġa ta’ Kastilja mill-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, f’Lulju li għadda.
F’din il-laqgħa, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli kienet qalet li l-għan prinċipali tal-awtorità hu li jsir monitoraġġ ċentrali tal-impatt tal-attivitajiet differenti fuq it-tibdil fil-klima, waqt li tiġbor flimkien l-azzjonijiet konkreti li l-pajjiż hemm bżonn jieħu.
F’Diċembru li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela kien indirizza s-summit internazzjonali tat-tibdil fil-klima tal-Ġnus Magħquda, il-COP28, f’Dubaj.
F’dan id-diskors, appella lill-mexxejja biex jingħaqdu ħalli jiffaċċjaw it-theddida li qed tikkawża din l-isfida u semma kif pajjiżna ħa bosta inizjattivi globali, fosthom tal-Island for Islands, waqt li tenna l-impenn ta’ pajjiżna li tkompli tgħin gżejjer u stati żgħar.