Il-Kabinett approva l-użu taċ-ċertifikat tal-vaċċin biex jintuża f’attivitajiet limitati li se jkunu jistgħu jsiru fiż-żmien li ġej.
Dan żvelah id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta kien qed jitkellem fil-programm XTRA ppreżentat minn Saviour Balzan.
Qal, “Min ikun imlaqqam, ħa ż-żewġ dożi u għaddew 15-il ġurnata u għandu ċertifikat li jista’ jniżżlu b’mod online kif se nkunu qed iniedu, ikun jista’ jattendi ċertu attivitajiet limitati u nibdew bil-mod u nżidu u dejjem importanti kull pass li nagħmlu nanalizzawh ħalli naraw jekk għandniex bżonn immorru lura jew nagħmlu pass ieħor.”
Id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li minn xahar u ftit ieħor, it-tfal ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena se jibdew jirċievu stedina biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19.
Dan se jsir b’forma ta’ stedina flok reġistrazzjoni għaliex il-persuni inkwistjoni msejħa biex jieħdu t-tilqima huma tfal.
Spjega, “U allura tfal ta’ bejn it-12 u l-15-il sena lejn l-aħħar ta’ Ġunju bidu ta’ Lulju ħa jibdew jirċievu invit id-dar bil-ħin u bid-data u l-post fejn jieħdu t-tilqima.”
Chris Fearne saħaq li t-tilqim isalva l-ħajjiet u llum is-sitwazzjoni hija li l-isptarijiet huma prattikament vojta mill-pazjenti bil-Covid-19.
Qal li anki fl-aktar kategorija żagħżugħa jiġifieri t-tilqim ta’ dawk minn sittax-il sena ’l fuq, diġà tlaqqmu iżjed min-nofshom.
Chris Fearne kien mistoqsi wkoll dwar l-attivitajiet tal-massa u appella għall-kawtela iżda saħaq li ma jfissirx li pajjiżna mhux iħares lejn iżjed rilaxx.
Hawnhekk aċċenna li diġà tħabbru numru ta’ miżuri li se jitneħħew fosthom fuq l-ilbies tal-maskri għall-persuni mlaqqma kompletament u qal li kull pass irid jiġi analizzat.
Qal, “Sakemm għad hemm il-pandemija madwar id-dinja speċjalment għax jistgħu joħorġu l-varjanti rridu dejjem iżommu element ta’ kawtela. Ma jfissirx illi ma nkomplux ineħħu miżuri bil-mod u hekk ħa nkomplu nagħmlu.”