F’laqgħa tal-Kabinett li saret it-Tnejn ġie approvat il-pjan ta’ rkupru u reżiljenza tal-fondi Ewropej li jammonta għal tliet mija u għoxrin miljun ewro.
Fil-Parlament it-Tnejn waranofsinhar, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan il-pjan approvat mill-Gvern se jkompli jibni fuq diversi inizjattivi li diġà ħa l-Gvern biex jingħelbu l-isfidi ekonomiċi li ġabet magħha l-pandemija.
Zrinzo Azzopardi fisser dan il-pjan bħala wieħed li se jkun qed iwettaq bidla lejn ekonomija iktar ħadra u jwassal għal ekonomija iktar diġitali.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Parlamentari spjega kif issa se jiskatta l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali filwaqt li imbagħad nistennew li dan il-pjan ta’ rkupru jiġi approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Huwa qal, “Fir-rigward tal-RRP hemmhekk nista’ nikkonferma illi dak il-pjan se jkun qed jiġi diskuss quddiem l-MCESD nhar l-Erbgħa kif ukoll se jkun qed jiġi preżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ta’ din il-Kamra nhar l-Erbgħa stess ukoll biex minn hemmhekk inkunu nistgħu ngħaddu ħalli l-programm, anzi dan il-pjan jiġi formalment ippreżentat lill-Kummissjoni Ewropea.”
Skont regoli Ewropej, ftit aktar minn terz tal-fondi allokati jridu jintefqu f’inizjattivi ambjentali u għoxrin fil-mija oħra tal-fondi jridu jmorru għall-proġetti diġitali.
F’Lulju li għadda, f’isem pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela nnegozja b’suċċess l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej fl-istorja.
Minkejja bosta fatturi ta’ sfida għal Malta, fosthom il-qagħda tajba ekonomika Maltija, pajjiżna rnexxielu jinnegozja b’suċċess pakkett ta’ fondi ta’ rkupru mill-pandemija ta’ tliet mija u għoxrin miljun ewro.
Il-Ħadd, f’intervista, il-Prim Ministru qal li l-pjan ta’ rkupru se jissarraf fi proġetti essenzjali għall-pajjiż u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Huwa stqarr: “Issa, fil-ġimgħat li ġejjin, se nkunu qed naraw il-frott ta’ dawk in-negozjati meta wara li jingħalaq dan il-proċess u jkollna dan il-pjan ta’ rkupru approvat, dak se jissarraf fiex? Fi proġetti li huma essenzjali għal pajjiżna u hemmhekk ukoll irridu mhux biss ngħidu li ħa nagħmlu l-proġetti imma dawk il-proġetti jridu jingħaqdu fil-viżjoni aktar fit-tul li għandna għal pajjiżna.”