Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar it-23 Kabinett fl-istorja parlamentari.
Dan il-Kabinett inħatar wara li nhar is-Sibt li għadda l-Partit Laburista kiseb l-akbar rebħa elettorali fl-istorja mill-Indipendenza ’l hawn.
Il-Kabinett huwa magħmul minn tmintax-il Ministru u erba’ Segretarji Parlamentari u jinkludi taħlita ta’ esperjenza u demm ġdid.
Dan ifisser li hemm żewġ Ministri inqas u l-istess numru ta’ Segretarji Parlamentari mil-leġislatura li għaddiet.
Il-Prim Ministru Robert Abela ħatar hekk il-Kabinett tal-Ministri:
Chris Fearne baqa’ fl-istess irwol jiġifieri Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.
Owen Bonnici nħatar Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Ian Borg sar Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Aaron Farrugia nħatar Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali.
Miriam Dalli żammet il-portafoll tal-Enerġija u l-Intrapriża u żdied l-Ambjent. B’hekk hija saret Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
Clyde Caruana, Michael Falzon, Anton Refalo, Roderick Galdes u Clayton Bartolo żammew l-istess portafoll li kellhom fil-leġiżlattura li għaddiet.
Dan hekk kif Clyde Caruana baqa’ Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, waqt li Michael Falzon żamm il-portafoll ta’ Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Anton Refalo baqa’ Ministru għall-Agrikolutura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes baqa’ Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Clayton Bartolo baqa’ Ministru għat-Turiżmu.
Żamm ukoll l-istess kariga Clint Camilleri, hekk kif baqa’ Ministru għal Għawdex.
Silvio Schembri żamm il-portafolli tal-Ekonomija u l-Artijiet, waqt li żdiedlu l-Fondi Ewropej. B’hekk huwa sar Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet.
Julia Farrugia Portelli żammet il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, waqt li żdied ukoll id-Drittijiet tal-Konsumatur. Hija saret Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.
Byron Camilleri żamm il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, waqt li żdiedu r-Riformi u l-Ugwaljanza. B’hekk Camilleri huwa Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza.
Clifton Grima żamm il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport u ż-Żgħażagħ u żdied il-portafoll tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Grima sar Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Minn Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi sar Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar.
Jonathan Attard sar Ministru għall-Ġustizzja, waqt li Jo Etienne Abela nħatar Ministru għall-Anzjanità Attiva.
Hawnhekk fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal kif il-Prim Ministru ta permess temporanju għal ftit jiem lill-Kirurgu Jo Etienne Abela biex ikun jista’ jopera pazjenti li diġà għamlu tħejjija għall-operazzjoni. Intqal kif dan se jsir fl-interess tas-saħħa tal-istess pazjenti.
Andy Ellul inħatar Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Alison Zerafa Civili nħatret Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.
Chris Bonnett inħatar Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fil-Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet.
Waqt li Keith Azzopardi Tanti nħatar Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Fl-istqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ntqal kif Dr Abela se jikkunsidra wkoll ħatriet oħra, fid-dawl tal-ħtieġa li bħalma se tissaħħaħ ir-rappreżentanza femminili fil-Parlament, tissaħħaħ ukoll fl-eżekuttiv tal-pajjiż.