Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Kabinett approva qafas ġdid ta’ regolamenti li jirrigwardja fost oħrajn il-liċenzjar tal-kuntratturi tal-bini.
Dr.Abela ħabbar dan hekk kif kien qed iwieġeb il-mistqosijiet tal-ġurnalisti fosthom b’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia.
Il-Prim Ministru sostna li d-dokument approvat jirrifletti riforma f’dan is-settur u li jinkludi bidliet leġislattivi robusti.
“Jekk issaqsini jonqosx nagħmlu iżjed fejn tidħol ir-regolamentazzjoni, ngħidlek iva u kien għalhekk li l-Kabinett ilbieraħ approva, qafas ġdid ta’ regolamenti foshtom dak li jirrigwardja l-liċenzjar tal-kuntratturi. Se nkunu qed inniedu l-ewwel proposti tagħna fil-jiem li ġejjin. Ġie approvat ilbieraħ. Huwa dokument li huwa wieħed robust ta’ bidliet leġislattivi. Se nkunu qed nagħmlu riforma li saret għall-ewwel darba f’dan is-settur.”
Dan minkejja li regolamentazzjoni f’dan il-qasam diġà hemm u li permezz tagħhom tressqu n-nies il-Qorti fil-passat fuq każijiet separati.
B’rabta mal-każ ta’ Jean Paul Sofia, il-Prim Ministru reġa’ tenna d-diskors li għamel it-Tnejn filgħaxija fil-Parlament hekk kif appella biex jingħalaq il-proċess verbal b’rabta mal-każ mingħajr dewmien.
Dan anke fid-dawl li għaddew aktar minn 3 xhur mindu seħħ il-każ.
Il-Prim Ministru aċċenna wkoll għal dak li qalet l-Oppożizzjoni b’rabta mal-każ hekk kif spjega li fil-verità inkjesta pubblika tfixkel u mhux tgħin ir-riċerka tal-ġustizzja.
“L-ikbar żball li qed tagħmel l-Oppożizzjoni hhuwa li qed tipprova ddaħħal il-ħsieb li inkjesta maġisterjali ma tistax tidentifika n-nuqqasijiet kollha li wasslu għall-akkadut. Dik ma hija minnha xejn, il-Maġistrat inkwirenti għandha setgħa’ mill-aktar wiesgħa fil-liġi li tidentifika n-nuqqasijiet kollha li wasslu għal dak l-akkadut. Jiġifieri n-nuqqasijiet tal-persuni involuti”
Fuq is-suġġett, Dr Abela tenna li kellu diskussjonijiet twal ma’ omm u missier Jean Paul Sofia b’rabta mal-każ u temm jgħid li huwa inġust li minn dan il-każ sensittiv l-Oppożizzjoni qed tipprova tikseb kapitali politiku.
“Li jiddispjaċini huwa li hemm Oppożizzjoni li qed tipprova tirkeb fuq il-weġgħat ġenwini ta’ familja u minn dawk il-weġgħat ġenwini ta’ familja qed tipprova toħloq kapital politiku. Dak m’għandux ikun aċċettabbli. Hawnhekk qed nitkellmu dwar ħajja ta’ żagħżugħ li ntilfet b’mod mill-aktar inġust u dwar żewġ ġenituri li tilfu l-aktar persuna għażiża għalihom.”