Il-Country Report dwar Malta ppublikat mill-Kummissjoni Ewropea identifika sensiela ta’ riżultati pożittivi li jolqtu ħafna dekasteri tal-gvern. Fost oħrajn immarka t-titjib fl-amministrazzjoni pubblika u t-tnaqqis fil-burokrazija tas-servizzi governattivi.
Riżultat li fi kliem il- Kummissarju għas-Simplifikazzjoni u t-Tnaqqis tal-Burokrazija Anthony Agius Decelis, qed jixhed li d-deċiżjonijiet imsejsa fuq ir-RoadMap tal-gvern qed imexxu lil Malta fit-triq it-tajba fejn saħansitra pajjiżna qed ikun proattiv u mhux jistenna li tinġibidlu l-attenzjoni biex jieħu ażżjoni dwar nuqqasijiet fis-sistema Maltija.
Agius Decelis semma fost oħrajn it-twaqqif tal-College of Regulators, li kien ilu mwiegħed minn gvern preċedenti sa mill-2011, ir-riformi kbar li qed isiru fil-qasam tal-ġudikatura, tal-ippjanar u l-ambjent, u fil-qasam kummerċjali. Fejn tidħol l-amministrazzjoni pubblika, is-Segretarju Permanenti Ewlieni irrimarka kif ir-rapport jelenka speċjalment it-tijib fis-servizz pubbliku mill-aspett kummerċjali fejn jissemmew bi promenenza miżuri li qed jiffaċilitaw il-proċess biex jibdew joperaw negozji ġodda.
Fejn illum minflok xhur, negozjant idum biss tlett ijiem jew inqas biex jiftaħ negozju ġdid. Cutajar fakkar li sar titjib ikbar fis-servizzi pubbliċi offruti liċ-ċittadin privat li ma saritx referenza għalihom fir-Rapport fosthom il-ftuħ tal-one stop shops, iż-żieda ta’ servizzi offruti online u l-introduzzjoni tal-mobile apps.
Min-naħa tagħha, is-segretarju Parlamentari għas-Simplifikazzjoni Amministrattiva Deborah Schembri saħqet li l-osservazzjonijiet pożittivi u l-kummenti tal-Country Report intlaqgħu mill-gvern. Schembri b’ sodisfazzjoni sostniet li minn mindu ħareġ ir-rapport, diġa kienu riżolti uħud mill-problemi identifikati filwaqt li oħrajn se jkunu riżolti fil-futur qrib.